Barranin
Bank f’Wall Street ma jħalli lil ħadd jidħol jekk mhux imlaqqam għall-Covid

Bank kbir f’Wall Street qed jesiġi li l-ħaddiema tiegħu jkunu mlaqqma b’mod sħiħ għall-Covid biex jitħallew jidħlu fl-uffiċċji ta’ New York.

Sorsi infurmati qrib il-bank Morgan Stanley kienu kkowtati jgħidu li dawk l-impjegati li mhumiex imlaqqma jridu jaħdmu remotament.

Memo interna tal-bank tgħid li r-regoli mistennija jidħlu fis-seħħ fit-12 ta’ Lulju, u li ħaddiema, klijenti u viżitaturi li ma jkunux imlaqqma kompletament ma jitħallewx jidħlu fil-binja.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Kap Eżekuttiv tal-bank, James Gorman, ħeġġeġ lill-ħaddiema jirritornaw fl-uffiċċji tagħhom. “Jekk tista’ tmur ġo restorant fi New York City, tista’ tidħol l-uffiċċju,” iddikjara Gorman.