Ekonomija u Finanzi
Bank Olandiż se jħallas €775m fuq kontijiet miftuħa għall-ħasil ta’ flus

Il-bank Olandiż ING Groep NV se jħallas €775 miljun wara li ffaċċja akkużi li kellu kontrolli finanzjarji dgħajfa li l-klijenti setgħu faċilment jagħmlu ħasil ta’ flus.

Din il-kawża wasslet biex il-prosekuturi Olandiżi tar-reati finanzjarji rnexxielhom isolvu dan l-ikbar każ ta’ ħasil ta’ flus li qatt kellhom li jkopri l-perjodu bejn l-2010 u l-2016.

ING huwa t-tielet bank Ewropew li ffaċċja allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus din is-sena.  Iż-żewġ banek l-oħra huma Danske Bank tad-Danimarka u ABLV tal-Latvja.

Il-prosekuturi nedew l-investigazzjoni fil-konfront ta’ ING fl-2016 wara li sabu li kien hemm ksur tal-liġi u dan kien jindika li kien hemm problemi agħar li rriżultaw li kienu jinvolvu ħasil ta’ flus u fondi għat-terroriżmu.

Mill-investigazzjoni ħareġ li kien hemm klijenti tal-bank li kienu ilhom is-snin jagħmlu tranżazzjonijiet bankarji minn kontijiet fl-ING li nfetħu bl-iskop li jiffinanzjaw reati kriminali.

Is-somma li ġie ordnat iħallas il-bank Olandiż tikkonsisti f’€675 miljun bħala multa u €100 miljun tal-profitti li saru minn prattiċi illegali.