Baqa’ biss madwar 12-il dgħajsa tal-pass

Naqsu sew fil-Port il-Kbir id-dgħajjes tal-pass li fiż-żmien kellhom funzjoni mportanti għat-traġitti fil-Port il-Kbir u issa spiċċaw aktar bħala attrazzjoni turistika. Il-ftit dgħajjes tradizzjonali li fadal  jinsabu fiż-żona tal-Kottonera l-aktar fl-Isla u l-Birgu. Il-koperattiva tal-Barklori fl-Isla qed taħdem qatiegħ biex dan il-wirt kulturali Malti ma jispiċċax, tant li qed tappella lill-awtoritajiet biex jappoġġjaw il-ħidma tagħhom.

Fix-xatt tal-Isla qalb l-għadd kbir ta’ dgħajjes moderni u wħud minnhom lussużi – jispikka numru żgħir ta’ dgħajjes tal-pass. Illum ftit li xejn għadek tara minn dawn id-dgħajjes u ftit li xejn baqa’ mastrudaxxi li jaħdmu dawn id-dgħajjes tradizzjonali Maltin.

Il-barklor Joe Abela qal li għad baqa’ biss madwar 12-il dgħajsa ta’ dan it-tip. Bħall-karozzini fuq l-art, dawn id-dgħajjes m’għadhomx iservu l-iskop tat-trasport oriġinali iżda saru attrazzjoni għat-turisti biex igawdu s-sbuħija u x-xeni stupendi tal-Port il-Kbir minn fuq il-baħar.

Joe Abela li ġej minn familja ta’ barklori ħadna dawra mal-Port il-Kbir fuq dgħajsa tal-pass li qalilna għandha ‘l fuq minn 150 sena u li ntirtet minn ġenerazzjoni għall-oħra. Huwa spjega li kellu jibdel xi partijiet tad-dgħajsa li terrew maż-żmien.

Huwa qal li dawn id-dgħajjes fihom ħafna xogħol ta’ manutenzjoni.

Is-sur Abela jagħmel parti mill-koperattiva tal-barklori li jaħdmu biex dawn id-dgħajjes ma jinqatgħux. Stqarr li jixtiequ li jingħataw iżjed għajnuna mill-awtoritajiet.

Id-dgħajsa li oriġinarjament kienet tan-nannu ta’ Joe Abela se tkun parti mill-flotta ċkejkna ta’ dgħajjes tal-pass li nhar il-Ġimgħa se jfakkru il-100 sena mill-eżilju ta’ Manwel Dimech.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena madwar 150 persuna f’Malta jinstab li għandhom kanċer fil-pulmun, li wħud minnhom x’aktarx li qabel ikunu bdew jinnutaw sintomi tal-kundizzjoni, magħrufa bħala COPD, li hi assoċjata mat-tipjip, it-tniġġis…

Ekonomija u Finanzi

Il-baġits għall-2019 ta’ Malta u disa’ pajjiżi oħra Ewropej kisbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-Italja qed tissogra li taffaċċja azzjoni dixxiplinarja li tista’ twassal għall-multi, minħabba li qed tibqa’…

Politika

F’konferenza tal-aħbarijiet illejla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità, għax minn banda jgħid li ma jafx kontra min hemm inkjesta, u mill-banda l-oħra…

Aktar