Stejjer Umani
Baqa’ ġuvni u jieħu ħsieb lil ommu bid-dimensja – għadha akkanita għall-Furjana

Tolqot l-aktar lill-anzjani, iżda l-Professur Charles Scerri, riċerkatur ewlieni dwar id-dimensja, jgħid li l-iżgħar każ li jaf bih hu ta’ persuna li kienet fil-bidu tat-tletinijiet. Hu stmat li f’Malta hawn mas-sebat’elef persuna bid-dimensja, iżda jmissu ma’ din il-kundizzjoni hemm eluf oħra li huma ta’ sostenn għal min għandu din il-kundizzjoni. Ix-xahar ta’ Settembru huwa ddeddikat għall-Alzheimer’s.

Julie Marston tagħlaq 90 sena x-xahar id-dieħel. Ilha bid-dimensja 8 snin. Binha jieħu ħsiebha lejl u nhar.

“Naħsilha. Nitmagħha. Anki nbiddlilha. Kollox. Pilloli. Xi kultant trid toħroġli ‘l barra – dik tinkwetani – u trid toqgħod attent ma tħallilekx xi gass jagħti,” qal Donald Marston.

Bid-dimensja, ommu ftit li xejn tiftakar affarijiet

“Lil ommha ssemmiha ħafna u kemm batew għax trabbew f’ambjent iebes.”

Baqgħet Furjaniża akkanita.

“Il-Furjana. San Publiju. Il-festa tiegħu. Tiġġennen għalih.”

Binha, li baqa’ ġuvni, jgħożż il-mumenti m’ommu.

“Tgħid li għada pitgħada tiġi nieqsa se tħoss is-sodisfazzjon li għamilt dak li stajt magħha.”

L-anzjana, li tgħix l-Isla, hi waħda minn 600 li qed jiġu segwiti mid-Dementia Intervention Team. Id-Dipartiment tal-Kura fil-Komunità joffri diversi servizzi fosthom tar-respite għall-qraba.

“Jiġu carers darbtejn fil-ġimgħa għal ftit sigħat u joqogħdu mal-klijenta u s-Sur Marston ikun jista’ jmur jagħmel il-qadi u jieħu naqra nifs ukoll mill-care-giving,” spjegat l-infermiera mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Roberta Attard Farrugia.

Hu stmat li f’Malta hawn 7,000 persuna bid-dimensja. Il-Professur Charles Scerri qal li dan l-ammont se jirdoppja sa 30 sena oħra.

“Għal kull persuna bid-dimensja hawn bejn wieħed u ieħor 3/4 persuni li jieħdu ħsieb. Mela jekk inti tgħaqqad in-numri kollha ta’ dawk in-nies li għandhom din il-kundizzjoni partikolari u magħhom iżżid dawk in-nies li b’xi mod qed imissu magħha, allura n-numri huma ferm akbar minn dawk li hemm,” irrimarka l-Professur Scerri.

Il-Professur Scerri appella lin-nies biex ifittxu l-għajnuna jekk jesperjenzaw sintomi tad-dimensja fosthom meta jinsew affarijiet tal-mument u jirrepetu lilhom infushom.