Lokali
“Baqa’ sal-aħħar jattendi l-Università minkejja li ma kienx f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa”

Kittieb, poeta, kritiku letterarju, u ħassieb – il-Professur Oliver Friggieri miet illum fid-dar tiegħu, fl-età ta’ 73 sena. L-aħbar ingħatat mill-familjari tiegħu stess fuq il-media soċjali. Imwieled il-Floriana, iggradwa mill-Università ta’ Malta fil-Malti, it-Taljan u l-Filosofija u ġab id-Dottorat mill-Università Kattolika ta’ Milan, il-Professur Friggieri kien Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università bejn l-1988 u l-2002 u sar Professur fl-1990. Il-Professur Friggieri kien strumentali biex bil-kitba tiegħu – ħelwa f’waqtiet u niggieza f’ohrajn, ħalla legat fil-letteratura Maltija li se jibqa’ jitgawda minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Malta tilfet ġgant tal-letteratura Maltija, iżda mhux biss, għax f’ħajtu l-Professur Oliver Friġġieri li għal sittax-il sena kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, għallem eluf ta’ studenti japprezzaw il-lingwa Maltija, permezz tal-proża u l-poeżija, kif ukoll kien jispirahom biex jimirħu fil-ħsibijiet profondi tagħhom, anki dwar il-ħajja.

Il-legat tal-Professur Friġġieri huwa minsuġ f’għexieren ta’ kotba li ppubblika matul ħajtu – 21 b’kollox, kif ukoll 250 studji u rivisti akkademiċi. Ix-xogħlijiet tiegħu nqalbu b’diversi lingwi fosthom bl-Ingliż, Russu, Għarbi u Taljan. Kiteb għadd ta’ rumanzi u stejjer qosra, u fost l-iktar xogħlijiet magħrufa jinkludu ‘Fil-Parlament ma jikbrux fjuri’, It-Tfal jiġu bil-Vapuri, u Stejjer għal Qabel Jidlam. Fl-2008 kiteb l-awtobijografija tiegħu ‘Fjuri li ma Jinxfux’.

Fost id-diversi unuri li rċieva tul il-karriera f’Malta u barra, l-iktar sinifikanti kien meta ngħata l-midalja ta’ membru tal-Ordni tal-Mertu fl-1999, il-midalja tad-deheb mill-Akkademja tal-Malti fl-2016, u l-unur għall-karriera fil-Premju għall-Arti fl-2018.

L-aħbar tiegħu xxukkjat lil bosta li kienu jafuh sew, fosthom lil kuġinuh il-Professur Joe Friġġieri, li miegħu kien iqatta’ ħafna ħin jiddiskuti.

“Lil Oliver niftakru, jitla’ bil-mod it-taraġ, iħabbat il-bieb u ngħidlu għaddi, u jtini ktieb kull darba li ppubblika, u dejjem kien jagħmilli dedika lill-għażiż kuġin tiegħi, Joe, u din kienet tmissli qalbi hux..lil Oliver jistmawh għall-qalb tajba tiegħu u l-istudenti għalhekk kienu jħobbuh”.

Awtur li jħossu grat ħafna għal Oliver Friġġieri, huwa Trevor Żahra. “Oliver Friġġieri qisni nafu minn dejjem, konna ħbieb, għandi dejn kbir għal Oliver u bħali ħafna kittieba, u l-pajjiż kollu għandu dejn kbir, Oliver huwa l-preżent kontinwu, għax kien jaf jgħallmek bla ma jippatronizzak, illum il-pajjiż kollu f’luttu, Oliveri kien għadu u jibqa'”

Ir-rettur tal-Università Prof Alfred Vella qal li l-Professur Friġġieri wassal dak li jaf għand in-nies, u li baqa’ sal-aħħar jattendi l-Univeristà minkejja li ma kienx f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa.

“Oliver huwa figura nazzjonali, mhux akkademiku biss u maħbub mill-istudenti tiegħu, ma kontx fil-qasam tiegħu, imma xogħlu kien magħruf anki jekk ma tkunx fl-istudju tiegħu għax kellu karatteristika mportanti ħafna li dejjem nisħaq fuqha, kien mhux biss jitkellem fl-Universita’ imma kien iwassal leħnu lill-poplu hemm barra”

Il-Professur Friggieri se jibqa’ fil-memorja ta’ ħafna u se jibqa’ ħaj minn ġenerazzjoni għall-oħra bil-kontribut li ta lis-soċjetà Maltija tul il-karriera.

Il-President George Vella u l-Arċisqof Charles Scicluna sellmu l-memorja tal-Professur Friggieri fuq il-media soċjali, filwaqt li l-Gvern, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fi stqarrijiet separati wrew sogħba għat-telfa tiegħu.