Lokali
Barklori b’manutenzjoni tad-dgħajjes tal-pass hekk kif ix-xogħol naqas minħabba l-COVID-19

Id-dgħajjes tal-pass jżejnu l-Port l-Kbir anke bl-ilwien tagħhom waqt li bil-lajma joforqu l-mewġ, baqgħu fl-imħażen bis-sidien tagħhom jagħmlu l-manutenzjoni fuqhom hekk kif il-barklora wkoll spiċċaw b’ħobżhom mhedded minħabba l-kriżi fl-industrija li biha baqgħu jdawru r-rota. Il-balklora qed jieħdu daż-żmien tal-pandemija biex jagħmlu l-manutenzjoni tad-dgħajjes tradizzjonali tagħhom li tant jippreġjaw.

Dahri d-dgħajjes tal-pass kellhom funzjoni importanti għat-traġitti fil-Port il-Kbir b’mod speċjali meta l-Port kien bażi importanti għall-flotta Ingliża.

Id-dgħajjes oriġinali tal-pass li kienu jġorru l-baħrin minn bastiment lejn il-mollijiet kważi għebu u fadal ftit min dawn il-bċejjeċ tradizzjonali Maltin għand żewġ familji Sengleani li jużaw għal vjaġġi panoramaċi tal-port għat-turisti.

Frankie Ahar li l-familja tiegħu li tieħu ħsieb id-dgħajjes tal-pass fl-Isla qal li dawn il-bċejjeċ jirrikjedu ħafna investiment u manutenzjoni u jinsabu f’kompetizzjoni qalila ma’ dgħajjes mibnija bil-fibreglass li għal min hu fil-mistier huma biss kopja inferjuri tad-dgħajsa tradizzjonali maħduma bl-injam.

“Aħna dawn bħalissa m’għandniEx xogħol allura ċ-ċans li nagħtuhom waħda sewwa, iżda dawn kull tliet xhur trid tiġbidhom u tnaddafhom min taħt tagħmilhom il-verniċ”.

Qal li għalkemm jaqblilhom jaħdmu b’dgħajjes tal-fiberglass, ma jixtiqux li tintilef tradizzjoni oħra li magħha hemm marbuta snajja’ tradizzjonali.

Joe Abela li familtu wkoll tieħu ħsieb id-dgħajjes tal-pass qal li l-bini u l-manutenzjoni ta’ dawn id-dgħajjes illum saru rarità.

“Ħadd ma ried jirinova d-dgħajsa, għamilta jiena domt sentejn u ħames xhur, din hi l-eqdem waħda li hawn. Bdililtha kollox, l-għeluq, stannari, settijiet kollox.”

Qal li kieku ma ntrigax ruħu bir-rinovar ta’ din id-dgħajsa li qal hi l-eqdem waħda bi storja li tmur lura ‘l fuq min 170 sena, kieku parti mill-istorja maritima tal-Kottonera diġà sfaxxat.