Lokali
Barranin b’Malti bħall-Maltin

Il-lingwa mhix biss kwistjoni ta’ identità iżda wkoll għodda importanti tal-komunikazzjoni u ta’ integrazzjoni.

TVM tkellem ma’ għadd ta’ barranin li tgħallmu l-Malti u issa jħossuhom li integraw sew fis-soċjetà Maltija u permezz tal-lingwa mhux biss jitkellmu l-Malti iżda jistgħu wkoll jgħixu stil ta’ ħajja bħal tal-Maltin

25 sena ilu, Ron ġie jgħix Malta. Bħala żagħżugħ Olandiż, ħassu xi ftit ħuta barra mill-ilma għax ma kienx jaf il-Malti. Jirrakkonta mumenti ħelwin li kien ikollu ma’ tal-ħaxix.

Ron Van Maarschalkerweerd qal ”meta kont qed immur nixtri u nkellimhom bl-Ingliż kienu jżommuli ftit iżjed min-nies li kienu jitkellmu bil-Malti u għalhekk għedt speċi ma jistax ikun irrid nitgħallem il-lingwa biex għall-inqas inħallas prezz tajjeb mhux bl-għoli.”

Tgħallem il-Malti għax għamilha mal-Maltin, mingħajr ma qabad ktieb b’idu. Ron illum huwa stilista tal-moda u għandu negozju tal-ħwejjeġ f’Malta. Jistqarr li l-Malti għenu jitgħallem lingwi oħrajn.

“It-Taljan bdejt nifhmu iżjed u anki l-Ispanjol. Naħseb li l-fatt li kont diġà nitkellem bl-Ingliż, Olandiż u mbagħad żidt lingwa oħra għamilhieli aktar faċli biex nifhem lingwi oħrajn” stqarr Ron.

Ermira Tartari Bonnici hija Albaniża li ġiet Malta 18-il sena ilu biex tistudja. Illum infermiera u tgħallem fl-Iskola Medika tal-Isptar Mater Dei. Tgħid li l-Malti kien essenzjali biex tikkomunika mal-pazjenti.

Ermira Tartari Bonnici qalet “meta nagħmlu t-taħriġ tal-infermiera trid tkun ħafna mal-pazjenti kuljum u ħassejtu bżonjuż li biex nifhimhom huwa tajjeb li nkun naf, b’hekk tista’ tgħin aħjar skont il-bżonnijiet tagħhom. Kif nafu mhux kulħadd jitkellem l-Ingliż l-isptar fil-wards allura tajjeb li tkun taf il-lingwa tal-pajjiż.”

Kienet toqgħod ma’ familja Maltija u mill-ewwel affaxinat ruħha bl-ilsien Malti.

“Il-Malti m’għamilt l-ebda kors biex nitgħallmu. Niftakarhom isaqsuni kemm ilni hawn Malta u kont ili xi 6 xhur u diġà kont bdejt nagħmel xi kliem flimkien f’sentenza jiġiferi ġie mis-smigħ” qalet Ermira.

L-Isqalli Andrea Di Vita wkoll tgħallem il-Malti għax għamilha mal-Maltin. Illum huwa kok u l-Malti għenu biex iżid il-klijentela. Anki ma’ ibnu jitkellem bil-Malti.

Andrea Di Vita qal “jgħinni ħafna jekk naf il-lingwa. Imma Malta differenti għax ġejt hawn 22 sena ilu u tgħallimtu bil-mod u biż-żmien tgħallimt il-Malti.”

L-esperjenzi ta’ dawn il-persuni huma xhieda tas-siwi li l-barranin jitgħallmu l-ilsien Malti biex jintegraw aktar fis-socjetà Maltija.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qal li fl-ewwel għodwa tal-insib diġà sabu żewġ każijiet ta’ abbuż. Fi stqarrija, il-CABS qal li membri tiegħu ġibdu l-attenzjoni tal-Pulizija li fl-Imtaħleb kien hemm…

Budget

Għada se jitħabbar it-tieni budget ta’ din il-leġislatura mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Filmat imxerred fuq il-mezzi soċjali ġie spjegat l-għan tal-Budget, li jgħolli l-kwalità tas-servizzi li joffri l-Gvern fosthom dawk tas-saħħa…

Ikel

Ħafna jiħduh bħala duwa meta jkollhom uġigħ fi griżmejhom jew għal taqlib fl-istonku, oħrajn iżiduh mal-kafè jew mat-te. Qed nirreferu għall-ġulepp tal-ħarrub li jissajjar bħal daż-żmien, hekk kif tibda toqrob…

Ġurnali

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum The Sunday Times Fuq il-faċċata storja b’ritratt li tgħid li bini tal-Gvern fi Xrobb l-Għaġin li qabel kien jintuża mill-ex Prim Ministru Dom Mintoff…

Aktar