Stejjer Umani
“Batejt ħafna imma llum ngħix, noħroġ u nitbissem kemm niflaħ”

Ta’ 47 sena kellha titlaq mid-dar mat-tliet uliedha għax kienet qed issofri minn vjolenza dometiska u minkejja li batiet illum li għandha 77 sena tħossha pożittiva ħafna għall-ħajja u tħeġġeġ biex min għandu relazzjoni ta’ abbuż għandu jagħmel kuraġġ u jinħall minnha.

Ċensina Cachia qalet li bil-fidi f’Alla tasal kullimkien u kemm jista’ jkun toħroġ u anke tidħaq għax temmen li kulħadd għandu dritt li jkun ferħan f’ħajtu.

B’ton kajman u dejjem bi tbissima, Ċensina Cachia tgħid li tirringrazzja lill-Alla li minkejja t-tbatija li għaddiet minnha meta kienet miżżewwġa llum tgħix ħajja serena.

Iżda meta tiftakar fit-tbatija li għaddiet ma’ żewġha, Ċensina tħoss qalbha tingħafas.

“Kelli raġel aggressiv u jmidd idu fuq it-tfal, niġġieldu kuljum, kont ħfirtlu u erġajt mort imma mbagħad ma stajtx nibqa’ f’dik il-ħajja”.

Ċensina qalet li telqet mid-dar b’ta’ fuqha senduqha.

“La kelli fejn immur, il-kbira kien għad kellha 15, kienu għadhom żgħar, kollox fuqi u mort ġo post, la kellna fejn norqdu”.

Ċensina temozzjona ruħha meta tirrealizza kemm batiet.

“Imma jiena dejjem kont ngħidlu ‘Mulej, waħdi mhux se nasal’, dejjem żammejt lill-Mulej f’ħajti jien”.

Ċensina tgħid li llum tħossha ferħana għax tqatta’ ħafna ħin barra u tħobb titkellem man-nies. U saħansitra mmudellat f’konkors tas-sbuħija.

“Xorta noħroġ basta barra, barra Alla jlaqqagħni ma xi ħadd, mhux ġewwa għax dwejjaq kbar”.

Ċensina tagħti kuraġġ lil dawk li jħossuhom waħidhom biex joħorġu kemm jistgħu.

“Iżommu ruħhom pożittivi, ma jibżgħux, dan l-aħħar anke pirmli kienu tawni, imma mbagħad naqbad il-bieb, nitlaq u jgħaddi kollox basta barra”.

B’ħajja sempliċi, f’dar modesta, Ċensina tappella lil dawk li qegħdin f’relazzjoni ta’ abbuż biex jiġġieldu għal-libertà għax kull persuna għandha dritt li tgħix ferħana.