Lokali
Battibekk bejn il-Kamra tal-Periti u l-PA fuq Villa San Injazju

It-twaqqigħ ta’ parti minn villa tas-seklu 19 f’San Ġiljan qajmet kontroversja sħiħa, speċjalment bejn il-Kamra tal-Periti u l-Awtorità tal-Ippjanar bi stqarrijiet iebsa kontra xulxin.

Il-Villa San Injazju nbniet fis-seklu 19 u għal xi żmien, serviet bħala Kulleġġ tal-Ġiżwiti. Fl-aħħar jiem, sar twaqqigħ ta’ sular wara li s-sidien kienu applikaw, minħabba li fis-sular ta’ fuq kien hemm strutturi perikolużi.

Il-Kamra tal-Periti sostniet li t-twaqqigħ jikser ir-regolamenti tal-bini u tas-saħħa u s-sigurtà. Waqt li rrikonoxxiet li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess minħabba deċiżjoni tal-Qorti, qalet li l-Awtorità kellha tiddikjara l-permess maħruġ minnha bħala null u invalidu, għax skont il-Kamra, ix-xogħlijiet ma sarux skont il-kundizzjonijiet tal-permess. Qalet li minħabba f’hekk, it-twaqqigħ issukta.

Il-Kamra tal-Periti qalet li qed tistenna li tittieħed azzjoni u jittieħdu miżuri biex jiġi ssalvagwardjat il-wirt storiku. Il-Kamra tal-Periti qalet ukoll, li fuq każ ieħor ta’ twaqqigħ, fejn kien hemm il-bini tas-Sea Malta fil-Marsa, ressqet il-każ kontra l-Awtorità lill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

L-Awtorità tal-Ippjanar, filwaqt li ċaħdet l-akkużi tal-Kamra tal-Periti, talbitha tissosstanzja l-akkużi li ddeskrivithom bħala foloz u nofs veritajiet. L-Awtorità sostniet li x-xogħlijiet f’Villa Injazju ġew ordnati li mill-Qorti u qalet li hi kienet ċara li x-xogħlijiet għandhom isiru skont dak li qalet il-Qorti. Dwar il-bini li kien tas-Sea Malta, sostniet li din il-binja kienet f’periklu minħabba pedamenti li kienu qed iċedu. L-Awtorità qalet li biex il-Kamra tal-Periti tkun kredibbli għandha tibda tieħu azzjoni kontra periti, membri tagħha, responsabbli għal xogħlijiet simili.

Intant, fuq Villa Injazju, kemm Din l-Art Ħelwa kif ukoll il-Kummissjoni tal-Knisja dwar l-Ambjent, appellaw lill-awtoritajiet jaġixxu ħalli l-wirt arkitettoniku jkun imħares. Din l-Art Ħelwa ħeġġet llill-Awtorità tal-Ippjanar biex minnufih twaqqaf ix-xogħlijiet u biex tinħareġ ordni ta’ infurzar. Talbet ukoll li din il-villa tiġi skedata.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Mara tqila ttieħdet l-isptar wara li żiemel laqat il-karozza. L-inċident seħħ fi Triq Manoel Dimech, Ħal Qormi għall-ħabta tal-5.10pm. Il-mara ttieħdet l-isptar Mater Dei bħala prekawzjoni.      

Lokali

Ingliż ta’ 79 sena, dalgħodu nstab mejjet fil-kamra tas-sodda, fl-appartament fejn jgħix fi Triq it-Torri, f’Kerċem. Il-Pulizija qalet li meta marret fuq il-post, kif daħlu fil-blokka t’appartamenti, mill-ewwel inxtammet riħa…

Lokali

BirdLife Malta qalet li tilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru biex ikun hawn il-ħarsien tal-ordni pubbliku. Iżda żiedet tgħid li l-ħarsien tal-liġi fil-kampanja Maltija huwa ineżistenti. Fi stqarrija ntqal li fil-kampanja Maltija…

Aktar