Kultura
Bdew iħejju rwieħhom biex jikkompetu għat-titlu ta’ belt tal-kultura fl-2031

Wara li tliet snin ilu l-Belt Valletta kellha t-titlu ta’ Belt Ewropea tal-Kultura, u mexxiet programm kulturali ta’ suċċess, dan it-titlu mistenni jirritorna lejn pajjiżna fl-2031.

Victoria (Rabat) f’Għawdex u l-Birgu tefgħu l-applikazzjoni tagħhom u issa qed iħejju rwieħhom sabiex jippreżentaw proposti kulturali li permezz tagħhom se jkunu qed jispjegaw il-viżjoni kulturali li għandhom.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li sa Settembru li ġej il-Fondazzjoni se tkun qed tiltaqa magħhom b’mod kontinwu.

“Il-kriterji li jridu jilħqu issa huwa li l-applikazzjonijiet tagħhom għandhom ikunu f-forma ta’ proposti ċari u konkreti, li jkunu jinkwadraw l-identità kulturali Maltija f’xenarju Ewropew, il-multikulturaliżmu, l-attivitajiet kulturali, infrastruttura fiżika u kulturali għas-snin li ġejjin sas-sena 2031.”

Micallef spjega li minkejja li l-proċess huwa twil u tekniku l-Fondazzjoni se tkun qed tuża l-esperjenza tagħha sabiex tiggwida lill-applikanti.

“Minħabba l-esperjenza tagħna aħna responsabbli minn dan il-proċess, u rridu naraw li mmexxuh flimkien maż-żewġ applikanti mingħajr preferenzi, imbagħad wara Settembru jibda proċess ieħor li jeħodna mis-sena 2023 sas-sena 2024 hemmhekk l-applikanti jridu jdaħħlu l-proposti tagħhom.”

Micallef qal li wara dan kollu se tkun il-Kummissjoni Elettorali fi ħdan il-Kumitat tal-Kultura tal-Unjoni Ewropea li f’Ġunju ta’ 4 snin oħra, se tagħmel l-għażla finali dwar liema belt se tingħata dan it-titlu. T

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 temm jgħid li għall-belt hekk imsejħa rebbieħa, dan ikun il-punt tat-tluq fejn jiskatta x-xogħol sabiex sitt snin wara tkun iċ-ċentru Ewropew tal-Kultura.