“Bdew jgħidulna x’ngħidu fil-Qorti wkoll, eżempju kif sawwatna u li kien jieħu d-drogi quddiemna meta ma kien veru xejn”

‘Popolin’ analizza wkoll il-verżjoni tat-tfal. Fil-fatt tkellimna ma’ Anthony Zarb, ġuvni li fetaħ qalbu magħna u tkellem fuq dak li għadda minnu meta kellu biss tnax-il sena.

“Idaħħallek idea f’moħħok u jipprova jilgħabek logħba, speċjalment meta tkun għadek tifel” qalilna Anthony b’referenza għas-sistema li ntużat minn organizzazzjoni li suppost tipproteġi l-interessi tat-tfal. Jgħid li tali sistema firditu minn ma missieru meta sseparaw il-ġenituri tiegħu. Huwa spjega li t-tort kien ta’ tnejn li huma, għalhekk ma kienx hemm għalfejn jinfired minn ma missieru u l-membri tal-familja tiegħu għal seba’ snin.

“Għandi ħuti wieħed ta’ ħames snin, u ieħor ta’ seba’ u għadni qatt ma rajthom. Missieri kważi qatgħa qalbu, għax il-flus li joħroġ il-Qorti tal-biża’.” Tkellem fuq il-fatt li l-Qorti qed iddum ħafna biex tieħu deċiżjoni, u f’dan iż-żmien li qed jgħaddi ħutu li għadhom tfal se jilħqu jdaħħlulhom ħafna opinjonijiet f’rashom biex kemm lilu, kif ukoll lil missieru jarawhom koroh. “It-tfal innoċenti li tgħidilhom se jemmnu” tenna Anthony.

“Missieri ried jiftaħ kawża lil din l-organizzazzjoni għax jien u ħuti konna lesti biex nikxfu li huma bdew jippruvaw idaħlulna messaġġ f’moħħna imma il-Qorti qaltli le, mela allura il-Qorti u din l-organizzazzjoni qed jaħdmu biċċa waħda. Kif tidħol f’din l-organizzazzjoni issir numru, jiftħu kawża, ix-xhieda ma nafux minn fejn jibdew ġejjien, tibda tara xhieda qisek mort il-knisja, imbagħad inti ma tistax ittella xhud” spjega Anthony.

“Bdew jgħidulna x’għandna ngħidu fil-Qorti wkoll, eżempju kif sawwatna, kif tagħna d-daqqiet, li kien jieħu d-drogi quddiemna meta ma kien veru xejn.”