Pulizija
Bdew jinstemgħu l-każijiet kontra l-Pulizija fis-sezzjoni tat-traffiku b’rabta mal-allegat abbuż ta’ eluf ta’ ewro li tħallsu għall-extra duties

Fil-qorti bdew jinstemgħu l-każijiet kontra l-Pulizija fis-sezzjoni tat-traffiku b’rabta mal-allegati abbużi ta’ eluf ta’ ewro li tħallsu għall-extra duties waqt li allegatament jinħadmu waqt is-sigħat normali tax-xogħol tagħhom. Fl-ewwel seduta tressqu eks Supretendent, żewġ spetturi u żewġ surġenti. B’kollox il-ħames uffiċjali ġew akkużati li ħadu mal-€44,000 fi ħlasijiet.

Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla akkuża li l-eks Supretendent Walter Spiteri li kien tħallas €17,000 minn Transport Malta u Infrastructure Malta bejn Settembru 2018 u Novembru li għadda. Qal li l-flus suppost tħallsu għal xogħol extra li s-Sur Spiteri kellu jagħmel b’rabta mal-bini tal-proġett tal-Junction tal-Marsa, meta fil-fatt instab li huwa kien ikun id-dar jew f’post ieħor. Is-Sur Spiteri ċaħad l-akkużi kontrih. Il-qorti ġiet infurmata li s-sur Spiteri irritorna dawn il-flus.

Xehed ukoll l-Ispettur Bernard Bunce li semma kif fl-investigazzjonijiet instabu messaġġi tal-Whatsapp bejn diversi uffiċjali tal-Pulizija li kienu jiftehmu bejniethom biex jaħdmu s-sigħat extra waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom. Semma wkoll li kien hemm Surġent tal-Pulizija mara li kienet qiegħda tirċievi ħlasijiet ta’ extra għal xogħol fil-Marsa meta lanqas biss kienet issuq mutur.

Fit-tieni każ, l-Ispettur Nikolai Sant wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bis-Supretendent Jesmond Borg jixhed li mill-investigazzjonijiet ħareġ li l-Ispettur Sant kien jitħallas tal-extra duties waqt li kien ikun ix-xogħol. Allegatament huwa tħallas €12,700 bil-flus ġew imħallsa lura qabel ma ħarġu l-akkużi. Tressaq ukoll l-Ispettur PierGuido Saliba, li wkoll ċaħad l-akkużi kontrih. Huwa wkoll ġie mixli bi ħlas ta’ €17,200 għal extra duties waqt li kien bix-xogħol normali tiegħu.

Tressqu wkoll żewġ surġenti. Clayton Frendo ġie akkużat li ħa €6,000 f’extra duties li m’għamilx. Huwa ċaħad l-akkużi filwaqt li fil-qorti ingħad li l-flus tħallsu lura. Is-Surġent Angelo Briffa ġie akkużat li tħallas €8,000 li eventwalment tħallsu lura. Huwa wkoll ċaħad l-akkużi kontrih. L-Ispettur Doriette Cuschieri mit-Taqsima għar-Reati Ekonomiċi qalet li mill-investigazzjonijiet li saru kien hemm drabi li l-mutur lanqas biss inxtegħel waqt li suppost kien qed jagħmel extra duty.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ippospona d-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għall-bini ta’ supermarket tal-Lidl fi Triq Ħ’Attard Ħaż-Żebbuġ li huwa ppjanat li jsir fuq medda art ta’ 2,200 metru kwadru flimkien ma’ parkeġġ…

Turiżmu

Skont studju kkummissjonat mill-MHRA, sitta fil-mija tal-lukandiera f’Malta jemmnu li sa tmiem is-sena d-dieħla t-turiżmu jista’ jirkupra għal kif kien qabel il-pandemija tal-COVID-19. 17% qalu li n-numri tat-turisti tas-sena li…

Lokali

Mit-tlieta ta’ Awissu li ġej ħaddiema barranin jistgħu jerġgħu jibdew japplikaw għas-single permit, li huwa permess ta’ xogħol u anki residenza f’Malta. Is-Segretarju Parlamentari, Alex Muscat qal li minħabba l-pandemija, il-ħaddiema…

Lokali

Heritage Malta qed tħabbar li fi tmiem din il-ġimgħa, is-Sibt 18 u l-Ħadd 19 ta’ Lulju, is-sit ta’ Ħaġar Qim se jkun magħluq għall-pubbliku minħabba tiswijiet li jeħtieġ isiru fuq…

Aktar