Kultura
Bdiet tinġibed f’Malta sensiela ta’ Apple TV b’€10 miljun għall-ekonomija

Mil-lum bdiet tiġi ffilmjata f’Malta s-sensiela ġdida Foundation li se tinġibed għall-Apple TV.

TVM jinsab infurmat li din il-produzzjoni televiżiva se tkun fost l-ikbar li qatt ħallew flus fl-ekonomija Maltija għax se tiġġenera mal-€10 miljun. Il-ġbid ta’ din is-sensiela se jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Mill-lum Malta bdiet tintuża bħala sfond għall-produzzjoni ġdida ta’ Apple TV, li apparti li se tkun qed tħaddem mal-elf persuna, mistenija tħalli €10 miljun fl-ekonomija Maltija. Din il-produzzjoni se tkun qed tinġibed f’postijiet differenti madwar Malta u fil-Malta Film Studios, fejn ibnew settijiet kbar apposta.

Intervistat ilbieraħ fil-programm Popolin il-produttur tas-sensiela, Michael Malone, faħħar il-Kummissjoni tal-Films f’Malta li qal qed tagħmel dak kollu possibli sabiex tiffaċilita l-ġbid ta’ din is-sensiela.

“Johann and his staff moved mountains for us to be able to work in this situation we’re dealing with, in terms of getting our crew in and making them feel comfortable… just incredible,” qal is-Sur Malone.

L-impenn li qed turi l-Kummissjoni tal-Films wassal biex il-produttur tal-blockbuster li għadu kif inġibed f’Malta, Jurassic World, Patrick Crowley, irrikonoxxa l-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa biex titħares saħħet il-krew u l-protagonisti li ħadmu f’dan il-film.

“Malta worked with us in order to adjust to COVID. The Malta Film Commission was able to give us Government assurance that we would bring our people in, our actors, in which I do not think there is another Government in the world that would have given us that kind of solid ambition to push forward on the movie,” qal is-Sur Crowley.

Fil-programm Popolin il-Kummissarju tal-Films Johann Grech spjega kif minkejja l-pandemija, il-Kummissjoni tal-Films baqgħet għaddejja b’ħidma biex tattira films ġodda u fl-istess waqt assigurat li l-produzzjonijiet li kellhom isiru fl-eqqel tal-pandemija jibqgħu għaddejjin bil-pjani tagħhom u jiġu jiffilmjawhom f’pajjiżna.

“Sar. Jurassic World sar. Ħalla l-miljuni fil-pajjiż. Ħadmu ‘l fuq minn 1,300 crew u extras. Biss biss 700 kienu crew, maġġoranza Maltin. 600 kienu extras. L-ewwel darba fl-istorja tal-films f’pajjiżna li Malta ma libsitx libsa ta’ ħaddieħor. Malta ma kinetx pajjiż ieħor, imma Malta hija bħala Malta”.

Fl-aħħar tliet snin il-Kummissjoni tal-Films attirat lejn Malta 42 produzzjoni fejn iġġeneraw mat-€82 miljun fl-ekonomija ta’ Malta.