Qorti
Bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Darren Debono u Jeffrey Chetcuti akkużati b’ħasil ta’ flus

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Darren Debono u Jeffrey Chetcuti akkużati b’ħasil ta’ flus. Fil-bidu tas-seduta l-avukati difensuri, talbu lill-Qorti sabiex ma tismax il-kawża minħabba li ġew informati li l-investigazzjonijiet huma relatati mal-każ taż-żejt fl-Italja li seħħ qabel l-2015 u peress li l-Maġistrat dak iż-żmien kienet Deputat Avukat Ġenerali u Kap tal-Affarijiet Internazzjonali.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u tal-Pulizija, qalet li l-investigazzjonijiet fl-Italja kienu differenti minn dawn u li l-file dwar l-assistenza li ntalbet infetaħ fl-2016 – sena wara li l-Maġistrat kienet ħalliet l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Qorti ċaħdet it-talba u għal fini ta’ serħan il-moħħ ordnat lill-Avukat Ġenerali biex fis-seduta li jmiss, tiġi esebita d-dokumentazzjoni li tindika meta ġiet riċevuta kwalunkwe talba bejn l-awtoritajiet Taljani u Maltin.

Is-seduta mbagħad kompliet bil-magħluq wara li għamlet din it-talba il-prosekuzzjoni għax hemm persuni li għadhom qed jiġu investigati u bħalissa jinsabu fuq police bail.