Agrikultura
Bdiewa f’Burmarrad jilmentaw minn proġetti li se jeqirdu art agrikola

Bdiewa li għandhom art agrikola f’Burmarrad, l-Imrieħel u Ħad-Dingli flimkien ma’ attivisti appellaw lill-Gvern biex ma jkomplix ikasbar l-ambjent għad-detriment tas-saħħa tal-poplu permezz ta’ proġetti li trid li tagħmel Infrastructure Malta.

Il-bdiewa nġabru f’għelieqi mat-triq ewlenija ta’ Burmarrad fejn qalu li Infrastructure Malta trid li tibni roundabout fejn hemm nixxiegħa naturali tal-ilma, spiera u ġibjun li għandhom ‘il fuq minn 500 sena. Spjegaw li minn din l-ispiera jissaqqew prodotti agrikoli li qed jagħtu lill-poplu prodott Malti u frisk.

Il-bdiewa appellaw biex il-Gvern ma jibqax għaddej minn fuq kulħadd bħal gaffa biex jaqdi persuni li huma viċin tiegħu. Allegaw li f’dan il-każ it-telf ta’ art agrikola se jsir biex jinqeda kuntrattur ta’ Infrastructure Malta li jrid jibni supermarket.

Andre Callus mill-Moviment Graffiti qal li l-proġetti li qed joġġezzjonaw għalihom ma hemmx ħtieġa għalihom iżda ser isiru biss biex jinqdew persuni viċin Infrastructure Malta mingħajr ma tkun ikkunsidrata l-ħsara permanenti li ser issir lill-qasam agrikolu Malti. Hu wissa li jekk il-Gvern ser jibqa’ jwebbes rasu u dak li sejjaħ ħmieg jibqa’ għaddej, ir-reżistenza ser tkun waħda obbligatorja.