Lokali
Bdiewa jħossuhom diskriminati għax għad m’għandhomx aċċess għal ilma riċiklat


Kull sena mill-ilma ta’ pjan jittellgħu mal-20 miljun metru kubu ta’ ilma li nofshom imorru għall-agrikoltura.

Numru ta’ bdiewa qed iħossuhom diskriminati għax għad m’għandhomx aċċess għal ilma riċiklat imsejjaħ “new water” filwaqt li qed ikollhom jiffaċċjaw spejjeż kbar biex jibqgħu jtellgħu l-ilma mill-boreholes għat-tisqija tal-uċuh tar-raba’ tagħhom.

“Jien qiegħed f’sitwazzjoni hawnhekk li biex insaqqi 20 tomna raba’ rrid minn tal-inqas 4,000 ewro jew aktar kull sena dawl biex intella’ minn ġol-borehole u ħafna kritiki għax qed naħlu mit-table water. Issa vvintaw din ta’ new water li jiena ma rajt minnu qatt din in-naħa fejn dawk qed isaqqu b’kemm raba’ għandhom mingħajr pagament ta’ xejn.”

In-nixfa u n-nuqqas tal-ilma huwa piż finanzjarju akbar għall-bdiewa li bħal Leonard Schembri m’għandhomx aċċess għall-ilma msaffi għat-tisqija tal-uċuh tar-raba’ fil-proġett “new water”.

Is-Sur Schembri, li għandu r-raba’ fil-Fawwara fil-limiti tas-Siġġiewi argumenta li l-ilma għandu jinqasam b’mod ugwali mal-bdiewa kollha.

“Irid isir li min juża dak l-ilma jagħmillu pagament baxx. 10 ewro jħallas min jużah għax qiegħed fil-post u 10 ewro nagħtuh aħna talli jwassalulna fl-għelieqi tagħna u hekk inkunu paragun: li jiġifieri kemm iħallas hu; nħallas jien. Jien kuntent jekk iġibli l-ilma. Mela jiġi jgħidli arma bowser u mur ġib minn hemm jiġini ogħla milli ntellgħu mill-borehole. Intellgħu mill-borehole. Inkella biex itaffilna mill-problema jew din iġibilna bil-bowsers jew iħallsilna l-kontijiet tad-dawl.”

In-nixfa ilha snin tkidd lill-bdiewa speċjalment minħabba t-tibdil fil-klima u l-bidla fil-mod kif qed tagħmel ix-xita, li qed tagħmel aktar f’salt.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano spjega li l-maġġoranza tal-bdiewa qed jagħmlu użu effiċjenti mill-ilma.

“Joħroġ mill-fatt li ħafna mill-metres li hemm il-volum li jitella’ huwa baxx u xħin tagħmel il-pattern ta’ kif jittella’ u titkellem mal-bdiewa bil-prattiċi li jużaw il-volumi jagħmlu sens għax ħafna mill-bdiewa għadhom xorta jimlew il-ġibjun li jkollhom.”

F’Malta u Għawdex hawn mat-8,000 borehole reġistrati li mat-3,000 biss għandhom meter stallat magħhom. Fi kliem is-Sur Sapiano hemm sorsi bħalma huma spieri antiki li l-ilma minnhom jittella’ b’modi tradizzjonali u mhux bil-pompa li ma jistax jitwaħħlilhom meter.

“Mhux biss fejn tidħol il-biedja imma fejn jidħol ukoll l-ilma li nużaw aħna għax-xorb. Hemmhekk qed naraw li bejn wieħed u ieħor qed imissu l-figura ta’ 20-22 miljun metru kubu fis-sena.”

Is-Sur Sapiano rrimarka li mas-snin il-bdiewa infushom żviluppaw metodi ta’ irrigazzjoni effiċjenti – permezz fost oħrajn tad-drip irrigation għall-art saqwija – li naqqsu ħafna l-użu tal-ilma.

F’Malta hawn 16-il akwifer li 12 minnhom jintużaw mill-agrikoltura.