Agrikultura
Bdiewa Melliħin jitolbu l-għajnuna biex jitneħħew fdalijiet ta’ blata kbira

Bdiewa Melliħin qed jistennew bil-ħniena daqqa t’id biex ikomplu jaħdmu l-għelieqi tagħhom mingħajr tfixkil.

Dan wara li blata li tiżen tunnellati waqgħet fuq razzett u spiċċat fl-għelieqi u ikkawżat ħsarat f’nixxiegħa tal-ilma tat-tisqija fil-Wied ta’ Ġnien Ingraw, magħruf mhux biss għax-xeni stupendi tiegħu, iżda wkoll għal benna tal-frott irqiq li jipproduċi.

Razzett antik u tipiku Malti, imrekken taħt ir-riħ tal-blat ta’ Ġnien Ingraw fil-Mellieħa spiċċa vittma tal-istess blat li kien ikennu meta f’Settembru li għadda, blata enormi nqatgħet u waqgħet zopptu fuq ir-razzett u spiċċat f’nofs xi għelieqi.

Sid ir-razzett – Sammy Vella, qal li l-blata għamlet ħsarat kbar fil-wied. “Waqgħet fuq dak ir-razzett, waqgħet fuq il-mina, sfrondat il-mina, sfrondat żewġ ħitan tas-sejjiegħ ta’ żewġ għelieqi waħda fuq l-oħra u spiċċat hawnhekk. Qabel il-bdiewa, kienu jiġu hawnhekk, bil-vetturi tagħhom, jgħabbu l-biegħa tagħhom u jitilqu.”

Is-Sur Vella qal li l-gwaj huwa ikbar minn hekk, għax il-blata sfrondat mina li tħaffret bosta snin ilu mill-bdiewa, biex l-ilma tax-xita li jiskula fil-blat u jintuża għat-tisqija li għamel ir-raba’ għammiel fl-għelieqi mtarrġa. Is-Sur Vella żied jgħid li qed jistennew ftit għajnuna biex titranġa l-ħsara.

“Għar-razzett tiegħi ma tlabt xejn, iżda l-ħsara li saret fil-mina, fil-kanali, fil-ħitan tas-sejjiegħ, din il-ġebla fin-nofs, din qed tolqot lill-bdiewa kollha ta’ Ġnien Ingraw,” qal is-Sur Vella.

Is-Sur Vella qal li Ġnien Ingraw huwa magħruf għal produzzjoni tal-frott. “Kien famuż għall-bajtar ta’ San Ġwann, għal għajn baqar, għal pruna, għal frott irqiq. Tgħidx kemm kien jidħol frott fil-Pitkalija minn Ġnien Ingraw minħabba l-ilma.”

B’dan f’moħħu, Sammy Vella żied jistqarr li xogħol il-bdiewa huwa diġa’ iebes, u l-blata li waqgħet bla ħsieb f”Settembru għamlitilhom il-ħajja iktar iebsa, u hekk se tibqa’, sakemm ma jingħatawx tweġiba għal ftit għajnuna li talbu.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Il-Pulizija qed jinvestigaw is-sejba ta’ kadavru ta’ mara li kienet ilha mejta 3 xhur. TVM huwa infurmat li l-mara hija Ingliża ta’ 69 sena li nstabet mgħottija bil-kutri fis-sodda fi stat…

Saħħa

Bħalissa f’Malta hawn madwar 7,000 persuna li qed tbati mid-dimenzja, din mistennija titla’ għal 13,000 sas-sena 2050. Fl-ewwel konferenza nazzjonali tad-dimenzja, ġiet diskussa din il-marda, kif tolqot lil ta’ madwarha,…

Lokali

Skont il-Perit Carmel Cacopardo, ir-riżenja ta’ Arnold Cassola mill-Alternattiva Demokratika fuq l-abort hija biss skuża. Intervistat fuq il-programm ta’ Television Malta Ras imb ras, il-Perit Cacopardo qal li hu kien…

Aktar