Infrastruttura
Bdiewa se jgawdu minn aċċess aħjar għar-raba’ tagħhom – mibnija mill-ġdid 3km toroq rurali fil-Gudja

Madwar 60 bidwi se jgawdu minn aċċess aħjar għar-raba’ tagħhom hekk kif Infrastructure Malta bniet mill-ġdid ftit inqas minn 3 kilometri toroq rurali fil-Gudja. Dawn it-toroq ġew jiswew mal-€500,000 b’fondi Ewropej.

Fil-Gudja, inbnew mill-ġdid 2,8 kilometri ta’ toroq rurali intiżi biex itejbu l-aċċess tal-bdiewa għar-raba’ tagħhom. Dawn it-toroq saru b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro, mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tal-Unjoni Ewropea. Dawn it-toroq jiffurmaw parti minn proġett iktar li Infrastructure Malta qed twettaq bi €15-il miljun biex tibni mill-ġdid u ttejjeb ‘il fuq minn mitt triq fil-kampanja li jintużaw mill-bdiewa.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, l-inġinier Frederick Azzoparid qal li s-sena li għaddiet Infrastructure Malta bniet mill-ġdid jew irranġat mas-60 kilometru ta’ toroq rurali, jiġifieri aktar mid-doppju tat-tul ta’ Malta, miċ-Ċirkewwa sa Birżebbuġa. Taħt l-art f’dawn it-toroq, l-aġenzija qiegħdet mal-40 kilometru ta’ pajpijiet, katusi u cables taħt l-art, biex ittejjeb il-provvista ta’ diversi servizzi f’dawn l-inħawi wkoll.

Is-sindku tal-Gudja, Marija Sara Vella qalet li minn dan il-proġett tat-toroq rurali se jibbenefika kulħadd.

“Dawn it-toroq ġew aċċessibbli għal kulħadd, proġett li se jtejjeb il-ħajja tan-nies u r-residenti Gudjani”.

Il-Ministru għat-trasport, infrastuttura u proġetti kapitali Ian Borg qal li dawn huma proġetti li qed ibiddlu l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies. Il-Ministru Borg spjega kif waħda mill-isfidi tal-ħidma ta’ Infrastructure Malta fit-toroq rurali hi li uħud minnhom qatt qabel ma kienu sarulhom pedamenti b’saħħithom biżżejjed għall-inġenji kbar tal-bdiewa u vetturi oħra li jintużaw illum.

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-proġetti ta’ toroq rurali b’fondi Ewropej, qed isiru b’konsultazzjoni mal-kunsilli lokali u b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet u huma initiżi biex jingħata aċċess għal aktar spazji miftuħa, kif ukoll infrastruttura aħjar għall-bdiewa.