Agrikultura
Bdiewa se jibbenifikaw minn sussidju biex itaffu għat-telf li sofrew minħabba l-Covid 19

Permezz tal-pjan għal riġenerazzjoni ekonomika, il-Gvern se jagħti €1.5 miljun f’sussidji lill-bdiewa milquta mill-effetti tal-Covid. Huwa stmat li b’kollox se jibbenefikaw minn dan is-sussidju 4,800 bidwi.

Minħabba l-Covid 19, eluf ta’ bdiewa u raħħala ntlaqtu ħażin, bil-konsegwenza li ġarrbu telf fl-introjtu tagħhom.

Bl-għeluq ta’ lukandi, ristoranti u stabbilimenti oħra, bdiewa u raħħala qalu lil TVM li qalgħu daqqa ta’ ħarta fil-bejgħ tal-prodotti tagħhom. Bdiewa għal bosta ġenerazzjonijiet, Michael Schembri u ibnu Omar qalu li kawża tal-pandemija tilfu ħafna flus.

“Id-domanda naqset għax ma kienx hawn turisti, bilfors il-prezzijiet waqgħu, dik id-daqqa ta’ ħarta għall-bdiewa, titlef il-flus u ma ddaħħalx dak li ħdimt għalih”.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri u l-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd Anton Refalo qalu li l-Gvern għax sema’ l-karba tal-bdiewa u anki tar-raħħala, permezz tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika alloka €1.5 miljun ewro mill-fondi pubbliċi biex jitqassmu f’sussidji lill-bdiewa.

Il-bidwi Omar Schembri li jaħdem fuq bażi full time qal li malli sema’ bl-aħbar li se jingħataw għajnuna mill-Gvern ħa r-ruħ.

“Sussiddju bħal dan jgħinna, biex nipproduċu prodotti friski lill-mara tad-dar, ta’ kuljum”.

Iben Omar, Luca Schembri, li għad għandu tmien snin esprima ma’ TVM li la jikber jixtieq isegwi l-passi ta’ missieru u nannuh.

“Nixtieq inkun bħall-papà bidwi fl-għelieqi tagħna”.

Il-Ministri qalu li minn dawn il-flus se jibbenefikaw mal-4,800 bidwi, hekk kif se jingħataw sussidju ta’ €200 għal kull ettaru ta’ raba’. Il-Gvern qed jittama li jikseb l-approvazzjoni mill-Unjoni Ewropea, biex anke r-raħħala, jibbenifikaw minn sussidju ta’ €2.5 miljun.

F’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-bdiewa tħallew sena u seba’ xhur jistennew l-għajnuna mill-Gvern Laburista. Fi stqarrija tal-kelliem Edwin Vassallo intqal li kieku l-gvern ried jgħin lill-bdiewa, kien ikun responsabbli biżżejjed li jħabbar l-għajnuna mal-ewwel u mhux iħalli lill-bdiewa jfendu għal rashom quddiem id-diffikultajiet li sabu ma’ wiċċhom.

U l-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-Partit Nazzjonalista qed juri l-inkompetenza tiegħu f’dan il-qasam. Qal li l-iskema kienet l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta u ried jitfassal qafas ġdid biex jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Intqal li ma kienx ikun għaqli li l-gvern iħabbar skema li tkopri dawn it-tip ta’ ħsarat qabel ma jir1ievi din l-approvazzjoni.