COVID-19
Bdiewa u raħħala Maltin se jibqgħu jaħdmu biex kulħadd ikollu ikel frisk

Bdiewa u raħħala Maltin qalu li qed jaħdmu biex il-produzzjoni tal-ikel f’Malta tkompli minkejja l-inċertezzi globali li nħolqu bħalissa minħabba l-Covid19.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Malta Dairy Products Ltd. flimkien mal-Għaqda Bdiewa Attivi u l-Koperattiva ta’ min Irabbi l-Majjal, fid-dawl tat-tħassib tal-konsumaturi li l-provvista tal-ikel tista’ ma tkunx biżżejjed,

Qalu li dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza jistgħu jgħinu lil dak li jkun japprezza iżjed l-importanza ta’ minn fejn verament joriġina l-ikel u l-valur li għandha l-katina tal-provvista tal-ikel lokali, għax dan huwa l-uniku settur tal-ikel li l-popolazzjoni Maltija għandha kontroll fuqu u tista’ sserraħ fuqu.

Saħqu li sakemm is-setturi agrikoli jkomplu jeżistu f’pajjiżna, u l-bdiewa lokali jibqgħu jieħdu ħsieb l-annimali u r-raba tagħhom, se jkomplu jaslu prodotti friski lokali kuljum mir-razzett għal fuq il-mejda tal-ikel tal-konsumaturi f’Malta.

Huma appellaw lill-konsumaturi biex jappoġġjaw il-prodotti lokali biex b’hekk ikunu jistgħu jiggarantixxu provvista kontinwa ta’ prodotti friski, kemm fi żminijiet tajbin kif ukoll ħżiena.