Barranin
Bdot Ċiniż pprojbit mit-titjir wara ritratt ta’ mara fil-cockpit

Bdot Ċiniż spiċċa pprojbit għall-ħajtu mit-titjir, wara li passiġġiera mara tellgħet ritratt tagħha fuq is-siġġu tal-bdoti fil-cockpit.

Il-bdot, li saħansitra huwa kaptan, spiċċa f’baħar ta’ nkwiet, wara li l-mara ppużat għal ritratt, li iktar tard xerrdet fuq il-midja soċjali tagħha. Fir-ritratt hi tidher bilqiegħda fuq is-siġġu tan-naħa tax-xellug tal-cockpit, jiġifieri fejn normalment ipoġġi l-kaptan. Quddiema kellha xi ikel u xorb, waqt li mar-ritratt kitbet, “kemm jien kuntenta, grazzi għall-kaptan!”

Jidher li r-ritratt ittieħed f’Jannar li għadda fuq titjira bejn Guilin għal Yangzhou, operata minn Air Guilin. Fi stqarrija, il-linja tal-ajru Ċiniża qalet li l-bdot mar kontra regulazzjonijiet tas-sigurta tal-ajru. Minekejja li l-każ seħħ ammont ta’ xhur ilu, il-linja tal-ajru saret taf bih biss nhar il-Ħadd li għadda, wara li rċeviet kopja tar-ritratt.

Intqal kif il-mara qed titħarreġ biex tkun ‘flight attendant’.

Il-linja tal-ajru Guilin, intant, ma speċifikatx jekk ir-ritratt itteħidx waqt li l-ajruplan kien mal-art, jew waqt it-titjira, iżda analisti u bdoti Ċiniżi qed jindikaw li din tal-aħħar hija l-iktar xenarju reali.

Il-bdot, li ismu ma ingħatax lill-midja, ġie pprojbit li jtir għall-ħajtu. Madanakollu għadu mhuwiex magħruf jekk ġiex imkeċċi mill-irwoli kollha li jokkupa mal-linja tal-ajru. Air Guilin qalet li d-deċiżjoni ħadita fuq il-bażi li tpoġġi l-ewwel u qabel kollox is-sigurtà tal-passiġġieri u l-membri oħrajn tal-ekwipaġġ, u li l-bdot naqas minn dan kollu meta daħħal “nies irrelevanti fil-cockpit.”

Skont il-liġijiet tal-Amministrazzjoni Ċivili tal-Avjazzjoni Ċiniża, passiġġieri jistgħu jidħlu biss fil-cockpit f’ċirkostanzi ‘speċjali’.

Membri oħrajn tal-ekwipaġġ li kienu involuti fl-inċident ukoll ġew sospiżi.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa wissiet biex l-imxija tal-Coronavirus ma terġax tgħolli rasha, għaliex il-virus għadu ma għebx. Dr David Nabarro, il-kelliem tal-WHO qal li għalkemm il-lockdowns bdew jintreħew, teħtieġ attenzjoni massima…

Barranin

Riċerkaturi Ingliżi għaddejjin b’ħidma intensiva fejn qed janalizzaw eluf ta’ pazjenti morda bil-Covid-19 biex jippruvaw isolvu l-misteru ta’ din il-marda; l-għaliex għal xi wħud hija fatali mentri oħrajn kulma jaqbadhom…

Barranin

Il-qtil ta’ raġel iswed minn pulizija abjad qanqal protesti vjolenti f’Minneapolis fl-Istati Uniti u wara tlitt ijiem ta’ protesti matul il-lejl li għadda ngħatat in-nar l-għassa tal-pulizija f’din il-belt. Il-protesti…

Barranin

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson ħabbar li minn nhar it-Tnejn, l-għadd ta’ persuni li jistgħu jiltaqgħu barra tela’ għal sitta, b’dawk li mhumiex mill-istess residenza iridu joqgħodu żewġ metri…

Aktar