Lokali
“Beda jagħmlilna sinjal. Sejjaħt ir-Red Cross iżda kien tard wisq”

Il-komunità tal-Pulizija u ħbieb jinsabu xxukkjati bil-mewt traġika ta’ Ryan Tonna, kuntistabbli ta’ 36 sena u missier ta’ tifel ta’ 5 snin.

Il-kuntistabbli Tonna, li kien jaħdem fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, kien jinsab f’Pisa, l-Italja, fejn ipparteċipa f’maratona tal-ġiri. Fuq il-midja soċjali, wara l-maratona Tonna esprima s-sodisfazzjon tiegħu li kien temm b’suċċess l-ewwel nofs maratona tiegħu.

Huwa miet waqt li kien qed jiekol f’restorant mal-kontiġent Malti, fejn faga f’biċċa laħam.

TVAM tkellem ma’ Lisa Bezzina, l-atleta rebbieħa f’din il-maratona, li kienet fl-istess grupp ta’ Ryan. Wara l-maratona l-grupp mar jiekol flimkien. Lisa qalet li ħin minnhom beda jagħmlilhom sinjal li weħillu l-ikel. Qalet li qamu biex jgħinuh u sejħet lil tar-Red Cross iżda meta waslu kien tard wisq. Qalet li provaw jagħmlu minn kollox iżda ma rnexxielhomx isalvawh u ġie ċċertifikat li fega fil-laħam.

Min-naħa tiegħu, Dr Herman Mula, ex uffiċjal tal-Pulizija u ħabib ta’ Ryan qal li lbieraħ kienet ġurnata sewda għal min ħadem miegħu. Huwa sellem il-memorja tiegħu għad-delizzju tiegħu tal-futbol, fejn kien iżomm mal-Inter. Qal li ħa gost jara sapporters tal-Juventus jgħidu forza Inter biex jesprimu s-sogħba tagħhom lejn Ryan.

Qal li hu ħadem viċin tiegħu fl-iskwadra ta’ kontra d-droga. Qal li kien pulizija li jżomm saqajh mal-art waqt l-investigazzjoni u jkun punt ta’ referenza.  Qal li Ryan bidel l-istil tal-ħajja tiegħu. Spjega li qabel meta kien ikollhom ikla kienu jikkompettu min jiekol l-iktar. Madankollu meta ntefa’ fuq il-passatemp tal-maratoni huwa bidel l-istil ta’ ħajtu u minn passatemp inbidel fi sfida u stil ta’ ħajja. Qal li Ryan kien ta’ eżempju kbir għax bidel ħajtu fosthom l-ikel u xħin iqum filgħodu.

Ara wkoll:

Pulizija Malti jifga fl-ikel wara maratona fl-Italja

Messaġġ lil ibnu qabel miet: “Bdejt dan il-vjaġġ biex inkun ta’ eżempju għalik”