Lokali
Bejjiegħ tal-ħaxix aggredit wara li allegatament froda €25,000 lil tliet persuni

Noel Bonello ta’ 42 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-Erbgħa waranofsinhar tressaq il-qorti mixli li ffroda tliet persuni.

Bonello li fil-jiem li għaddew safa aggredit minħabba l-allegat każ ta’ frodi wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fosthom dawk ta’ miżaproprijazzjoni.

L-avukati difensuri Franco Debono u Noel Bezzina qalu li l-akkużat ikkopera mal-pulizija u diġà radd €5,000 mis-somma totali.

Madankollu, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Shaun Pawney qalu li l-akkużat għamel dan biss wara li fost oħrajn ġie aggredit u mhedded b’rabta ma’ dan ir-reat. Qalu li dwar din l-aggressjoni, il-pulizija qed tinvestiga rapport li sar is-Sibt li għadda.

Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea osservat li l-akkużat kien ingħata ordni ta’ probation għal tliet snin dwar akkużi simili. Qalet li l-qorti diġà tatu ċans iżda għażel li ma jeħodhiex.

Żiedet tgħid li malli jitemm il-perjodu ta’ probation, nerġgħu koppi.

Waqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba minħabba riskju li l-akkużat ibagħbas l-evidenza u għax l-allegati tliet vittmi huma persuni vulnerabbli.

Żiedet tgħid li dwar dan il-każ jistgħu joħorġu aktar affarijiet hekk kif il-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Huwa kien ordnat ukoll jiffirma l-għassa tlett darbiet fil-ġimgħa u ma joħroġx mid-dar bejn l-10.00 p.m. u l-5.00 a.m.

Huwa ġie mwissi wkoll biex ma jersaq lejn ebda xhud tal-prosekuzzjoni.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni biex ma tixxandarx il-lokalità li fiha jgħix l-akkużat biex tħares is-sigurtà personali tiegħu kif ukoll tal-ismijiet tal-vittmi.