Statistika
Bejn Jannar u Settembru d-dħul tal-Gvern ammonta għal €2,930m – tnaqqis ta’ 17.8% mis-sena li għaddiet

Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, id-dħul rikurrenti tal-Gvern kien jammonta għal €2,930 miljun, li tfisser tnaqqis ta’ 17.8% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li l-ikbar tnaqqis kien mill-Income Tax u l-VAT.

Sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, in-nefqa totali tal-Gvern kienet ta’ €4,069 miljun, jiġifieri 15.4% iktar mill-ewwel 9 xhur tas-sena l-oħra. L-iktar li żdiedet in-nefqa kienet minħabba l-inizjattivi li ħa l-Gvern biex jindirizza l-Covid fost l-oħrajn b’miżuri għar-riġenerazzjoni ekonomika u biex isostni lis-settur tas-saħħa. L-ispiża kapitali kienet ta’ €610 miljun u 400 elf ewro jew €256 miljun u nofs iktar mill-ewwel 9 xhur tas-sena l-oħra.

Id-differenza bejn id-dħul u n-nefqa tal-Gvern wasslu għal defiċit ta’ €1,139 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, li tfisser żieda ta’ kważi €1,177 miljun meta mqabbel mas-surplus ta’ kważi €38 miljun li kellha l-kaxxa ta’ Malta fl-istess perjodu s-sena l-oħra. Fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena, id-dejn tal-Gvern kien ta’ €6,623 miljun jiġifieri €1,368 miljun fuq is-sena l-oħra.