Politika
“Bernard Grech jattakka l-imsieħba soċjali għax faħħru l-Baġit ta’ Gvern Laburista” – PL

Il-Partit Laburista kkundanna l-kummenti li għadda lbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq l-imsieħba soċjali għax faħħru l-miżuri li tħabbru mill-Gvern fil-Budget 2021.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Carmelo Abela qal li r-reazzjoni ta’ Dr Grech għall-Budget turi kemm hu negattiv u maqtugħ mir-realtà tant li ma jistax jifhem il-polż tal-ħaddiem, in-negozjant u l-unjins fost oħrajn. Qal li meta Dr Grech qabbel l-imsieħba soċjali ma’ tfal li ħadu li riedu mill-baġit nesa li l-Gvern ikkonsulta magħhom biex fost l-oħrajn ikun jista’ jsalva eluf ta’ impjiegi.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu l-ebda pjan jew viżjoni. Qalet li minkejja li jistħi jgħid li huwa Malti, m’għandux dritt li jċaħħad lil Maltin u l-Għawdxin mill-għajnuna li qed joffri l-Gvern billi jdaħħal dubju. Qalet li Dr Grech qed jara l-baġit b’xibru u bi kliemu ta l-aqwa ċertifikat lil Gvern li skonta huwa viċin in-nies u jwettaq dak li jwiegħed.