Politika
Bernard Grech jgħid li l-PN qed jirreġenera ruħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-poplu ta diversi sinjali biex il-PN jiġġedded.

Waqt intervista fuq NET TV, Dr Grech qal li l-PN qed jirriġenera ruħu billi qed tinbidel l-attitudni ta’ xi esponenti tiegħu, qed titfassal politika relevanti u anke qed jinghata spazju lil kandidati ġodda.

Dwar id-dekriminilizzazzjoni tal-kannabis, Dr Grech qal li se jressaq proposti li jkunu ta’ ġid għan-nies waqt li biex jirkupra t-turiżmu wara l-Covid, il-Kap Nazzjonalista qal li għandha titnaqqas il-VAT fuq ir-restoranti u l-barijiet.

Il-Kap tal-PN sostna li jaqbel mal-incentivi fiskali li se jingħataw mill-Gvern biex jattiraw iktar turisti lejn Malta izda spjega li t-turisti jridu jsibu pajjiz sigur.

Huwa qal li l-PN qed jipproponi li jsiru tliet centri, tnejn f’Malta u iehor f’Ghawdex, biex it-turist ikun jista’ jagħmel it-test minghajr ħlas.

Dwar l-infurzar tal-mizuri kontra l-Covid, il-Kap Nazzjonalista qal li mhux qed isir biżżejjed tant li semma kif fil-Barrakka ta’ Fuq ilbieraħ folla nies tħalliet f’xulxin biex issegwi s-salut li jingħata lill-Princep ilbierah.

Dr Grech qal li f’dan il-pajjiz it-tajjeb qed jeħel mal-ħażin fosthom sidien ta’ restoranti u żgħażagħ li obdew ir-regoli waqt li oħrajn qed jiġu jaqgħu u jqumu mir-restrizzjonijiet.

Dwar il-‘white paper’ b’rabta mal-użu tal-kannabis għal skop rikreattiv, Dr Grech qal li l-PN irid joħroġ bi proposti li jagħmlu ġid lin-nies mhux biex jattira l-voti.

Huwa rrimarka li l-Prim Ministru qabad u ħareg ‘white paper’ malajr biex imur tajjeb fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-Ħadd li għadda tant li jidher li rnexxielu jmur tajjeb fost iż-żgħażagħ.

Dr Grech qal li minkejja dan il-Gvern qed ikun ikkritikat anke minn dawk li huma favur id-dikriminilizzazzjoni tal-kannabis wara li raw il-proposti.

Il-Kap tal-Oppozizzjoni żiet li l-PN qed jattira n-nies lejh u wiegħed li se jieħu d-deċiżjonijiet iebsa biex iġedded lill-partit.

Huwa sostna li jrid jara uċuħ ġodda li mhux bilfors ikunu żgħażagħ iżda fuq kollox qal jeħtieġ nies ġodda fil-Parlament u saħaq li xi esponenti jridu jbiddlu l-aġir tagħhom.

Mistoqsi dwar x’passi se jieħu l-PN dwar il-progetti tal-Electrogas u tal-Montenegro, Dr Grech qal li se jinsisti li ssir inkjesta dwarhom waqt li sostna li l-Prim Ministru ma jridx li dan isir għax ma jridx li toħroġ il-verità. S

Hawnhekk sostna li m’għandux jintbagħat messaġġ li persuni jidħlu fil-politika biex isiru miljunarju u jitilqu mingħajr konsegwenzi.

Dwar jekk hux jaħdmu l-istituzzjonijiet Dr Grech qal li mhux jaħdmu kif suppost u semma kif il-Pulizija messha investigat lill-ex-Chief-of-Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, mhux kellu jitressaq il-Qorti wara li saru inkjesti pubbliċi fosthom dawk li ressaq Simon Busuttil.

Dr Grech żied li l-istituzzjonijiet għandhom jaħdmu b’mod awtonomu u semma kif l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Istandards u tal-Ombudsman qed ikollhom injorati l-konklużjonijiet tar-rapporti tagħhom.