Bethlehem f’Għajnsielem – tewmin fost sebat itrabi fil-parti ta’ Ġesù Bambin

Inawgurat illejla mill-Prim Ministru Joseph Muscat l-akbar minn tliet presepji ħajjin li ser ikunu armati f’Għawdex fi żmien il-Milied.

Mal-150 attur se jieħdu sehem fit-tmien edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem li għal darb’oħra qed tirrappreżenta l-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù fi stil partikulari. Dan hu wieħed mill-ħafna attivitajiet tal-Milied organizzati f’Għawdex li qed jieħu fama għad-diversi attrazzjonijiet u inizjattivi organizzati fit-tliet ġimgħat li ġejjin.

betlehem-pmMal-ewwel mumenti fil-gżira tat-tliet għoljiet tibda tinħass l-atmosfera tal-Milied. Ħames minuti bogħod mill-port tal-Imġarr, qed issir it-tmien edizzjoni tal-villaġġ animat Bethlehem f’Għajnsielem.

Landar, raħħala jieħdu ħsieb l-annimali, u snajja’ differenti bħall-mastrudaxxa, il-ħaddied u l-furnar medija f’xogħolhom. Dan huwa l-ambjent li jilqgħek f’medda art ta’ madwar 20,000 metru kwadru, f’Ta’ Passi f’Għajnsielem.

Lelio Spiteri, membru tal-Kumitat Organizzativ, nstema ottimist li għal sena oħra Bethlehem f’Għajnsielem terġa’ tkun suċċess. “Mhux biss tara, iżda wkoll tagħmel – hands on. Għandna l-mitħna li ddur permezz tal-ilma. Għandna wkoll id-dgħajsa li ddur min-naħa għall-oħra tax-xmara artifiċjali. Hawn ukoll fejn tbill u fejn jieħu xi ħaġa tal-ikel tradizzjonali tal-Milied,” spjega Spiteri.

Matul din l-inizjattiva, organizzata mill-Kunsill Lokali t’Għajnsielem u l-Kumitat Organizzattiv ta’ Bethlehem f’Għajnsielem, se jsiru diversi rappreżentazzjonijiet minn suldati Rumani stazzjonati fil-Forti Chambray. L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom fit-8 ta’ Jannar bil-wasla tal-maġi li din is-sena se jitilqu minn Grecio, l-Italja, il-post fejn San Franġisk beda l-ewwel presepju.

L-attrazzjoni ewlenija tibqa’ l-għar, bil-bambin Ġesu’ f’idejn Marija fil-preżenza ta’ Ġużeppi. Din is-sena, il-bambin se jkun rappreżentat minn sebat itrabi, tnejn minnhom tewmin. B’kollox se jieħdu sehem mal-150 attur, b’ħafna minnhom ikunu familji sħaħ minn Għajnsielem.

Il-ftuħ uffiċjali ta’ din l-edizzjoni sar mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dr Muscat esprima sodisfazzjon għall-kollaborazzjoni li wrew numru ta’ entitajiet biex tkun tista’ ssir din l-attività li s-sena li għaddiet żaruha 40,000 familja. F’dan l-isfond, il-Prim Ministru qal li Betlehem f’Għajnsielem qed tħalli ġid ekonomiku u tgħin biex tnaqqas l-istaġjonalità f’Għawdex billi tattira kemm turisti kif ukoll Maltin.