Barranin
Bħal-lum sena feġġ l-ewwel każ tal-Covid-19 fl-Italja

Bħal-lum sena l-Italja stenbħet maħsuda. Il-Covid-19 ma baqax fl-Asja imma daħal fil-qalba tal-Ewropa.

L-Italja – minn spettatur ta’ dak li kien qed jiġri fiċ-Ċina, saret il-protagonista ta’ virus li qabilna ħajjitna u għadu preżenti sal-lum. Raġel ta’ 38 sena magħruf bħala Mattia bħal-lum sena kien sar l-ewwel pazjent bil-Covid fit-tramuntana tal-Italja, u f’ħakka t’għajn mijiet ta’ eluf oħra segwew warajh.

L-ewwel pazjent bil-Covid-19 fit-tramuntana tal-Italja, fetaħ bibien is-sema – u l-pandemija daħlet fl-Ewropa. Żewġ tobba Taljani Laura Ricevuti u Annalisa Malara ġihom suspett f’Mattia; raġel ta’ 38 sena li daħal l-isptar b’deni qawwi u li għaxart’ ijiem qabel kien qed jiekol ma kollega tiegħu Ċiniż.

Is-suspett tat-tobba Ricevuti u Malara kien preċiż. Mattia kien konfermat l-ewwel Taljan bil-Covid-19 u l-kumplament nafuh kollha – jiem, ġimgħat, xhur u iktar ta’ ansjetà, sptarijiet iffullati, pazjenti jfiqu u oħrajn imutu – ilkoll vittmi tal-Covid-19. Id-dinja spiċċat għarkubtejha quddiem għadu inviżibbli.

Mingħajr stennija Codogno; belt ta’ 15-il elf ruħ, saret l-ewwel belt Taljana maħkuma mill-Covid-19 – kullimkien spiċċa magħluq u n-nies imsakkra f’darhom bil-biża’ tal-coronavirus. U llum, sena wara, in-numru ta’ pazjenti fit-taqsima ta’ kura intensiva naqsu imma r-restrizzjonijiet fl-Italja u lil hinn baqgħu – bil-Covid-19 ħa postu f’ħajjitna, f’ġirja biex bis-saħħa tat-tilqima il-bniedem jittanta jegħleb it-tbatija li ġab miegħu dan il-virus.