Lokali
‘Bħal tieġ mingħajr l-għarusa’ – Ħal Tarxien jiċċelebra l-festa b’mod differenti

Matul tmiem din il-ġimgħa normalment tiġi ċċelebrata l-ewwel festa fuq l-għatba tas-sajf, dik tal-Lunzjata f’Ħal Tarxien. Minħabba l-miżuri ta’ prekawzjoni mill-coronavirus dan ma setax isir u għalhekk il-Parroċċa ser tiċċelebra l-festa b’mod differenti mis-soltu.

‘Bħal tieġ mingħajr l-għarusa’, hekk kienu jgħidu l-anzjani Tarxiniżi meta l-festa titulari tal-Lunzjata kienet taħbat qrib ħafna tal-Ġimgħa l-Kbira. Meta dan kien iseħħ, minkejja li l-Knisja Arċipretali kienet tkun armata għall-festa, kien jitgħatta saħansitra l-kwadru titulari tal-Lunzjata u hu għalhekk li kienu jsejħulu tieġ mingħajr l-għarusa.

Fi kliem l-anzjani Tarxiniżi, din is-sena wkoll, minkejja li l-Ġimgħa l-Kbira ilha li għaddiet 6 ġimgħat, it-tieġ kellu jitħassar ħesrem din id-darba kawża tal-pandemija. Minkejja kollox, il-Lunzjata tibqa’ f’qalb it-Tarxiniżi u se jiċċelebraw billi jirrispettaw id-direzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

L-Arċipriet Dun Chris Ellul, spjega li l-parruċċani ser ipoġġu l-intenzjonijiet tagħhom f’ħoġor il-Lunzjata.

“Tlabna lill-parruċċani biex min jixtieq iwassal l-intenzjonijiet tiegħu, jiġifieri t-talb, il-bżonnijiet tal-familja, jekk hemm xi mard, dak li neħtieġu, jibgħatuhomli permezz ta’ email jew il-facebook page, jew ittra fl-uffiċċju parrokkjali biex imbagħad ġbarnihom f’envelope issiġġillat u l-Ħamis fejn issoltu ssir il-ħruġ min-niċċa, ftaħna n-niċċa u poġġejnihom fejn id il-Madonna biex nuru x-xewqat u t-talb tagħna quddiem Marija Annunzjata. La jgħaddi kollox dawn jittieħdu għand il-Klarissi biex jitolbu għall-intenzjonijet tal-parroċċa tagħna.”

L-Arċipriet kompla jgħid li matul Mejju daru t-toroq tal-parroċċa bix-xbieha tal-kwadru titulari tal-Lunzjata u saret it-talba tar-rużarju bin-nies setgħu jsegwu minn djarhom, mill-gallariji jew minn fuq facebook.

Il-midja soċjali ntużat ukoll mis-Sezzjoni Żgħażagħ Għaqda Mużikali Marija Annunzjata Ħal tarxien, kif spjegalna l-President tal-Għaqda Jason Mizzi.

“Dorna n-nies mir-raħal biex forsi niġbru l-filmati tal-festa mill-arkivji, editjajnihom biex inkunu nistgħu nitfgħuhom fuq is-social media u kuljum eżempju llum huwa lejlet il-festa, qed nitfgħu filmati tal-festa bħan-nar tal-art u n-nar tal-ajru.”

Iż-żgħażagħ ħasbu biex iżejnu ftit it-toroq, għalhekk b’mod totalment differenti mis-snin l-oħra.

“Inġbarna grupp ta’ 5 min-nies u ħsiebna li flok narmaw dak li jintrema’ ssoltu, xtrajna naqra karti minn tal-liedna, qattajnihom aħna stess il-maħżen u dorna r-raħal kollu u armajna kif stajna.”

Lejlet il-festa ta’ Marija Annunzjata l-għaqdiet Tarxiniżi żammew mat-tradizzjoni billi ppreżentaw bukkett tal-fjuri quddiem l-istatwa tal-Madonna u quddiem il-kwaru titulari tagħha.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Malta Police Association qalet li l-amnestija għall-multi li weħlu ċertu individwi, minħabba l-miżuri li daħlu fis-seħħ minħabba Covid 19 meta nġemgħu fi gruppi kontra l-avviżi legali, hija insult kbir għall-ħidma…

COVID-19

Il-Pulizija se takkuża żewġ persuni – wieħed b’theddid fuq uffiċjal pubbliku u li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u ieħor li ostakola t-triq b’vettura waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji meta nhar it-Tnejn filgħaxija…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hemm ħafna nies li qed ibatu u negozji li jeħtieġu l-għajnuna. Qal li l-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jaħdem biex il-pajjiż ikollu…

Aktar