Lokali
AĠĠORNAT: Id-DNA ta’ Alfred Degiorgio misjuba fuq il-loqma tas-sigarett elevata mill-Bidnija

F’Seduta oħra fil-kumpilazzjoni tat-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Żammit semgħet diversi xhieda fosthom ta’ Dr Marisa Cassar li għamlet l-analiżi tad-DNA ta’ loqom tas-sigaretti li nġabru mill-Pulizija fl-investigazzjonijiet. Il-Qorti semgħet ukoll kif minħabba ħsara teknika ntilfu filmati li nġibdu taħt il-baħar waqt it-tfittxija mill-armata għal evidenza relatata mal-każ.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Żammit, suldat tal-Forzi Armati li kien preżenti fit-tfittxijiet taħt il-baħar ħdejn it-tinda tal-patata fil-Marsa spjega li ttieħdu filmati tat-tfittxija bil-GoPro iżda minħabba ħsara teknika fil-card il-filmati ntilfu. Xehed li kollegi tiegħu mit-taqsima tal-informatika ppruvaw jelevaw il-filmati imma ma rnexxielhomx. Qal li minn taħt il-baħar ittellgħu għadd ta’ mobiles u sim cards.

Fix-xhieda tagħha, l-esperta mqabbda mill-Qorti, Dr Marisa Cassar, qalet li mit-testijiet tad-DNA, il-loqma tas-sigarett elevat minn taħt iċ-ċint taħt siġra fil-Bidnija hija ta’ Alfred Degiorgio. Qalet li minn taħt it-tinda tal-patata fil-Marsa ġew elevati 86 loqma ta’ sigarett li qablu mal-profil ġenetiku tal-aħwa Degiorgio. Eżaminati wkoll 31 loqma oħra minn fuq id-dgħajsa li allegament intużat fir-reat li huma ta’ Alfred Degiorgio. Mistoqsija mid-Difiża dwar ittri anonimi li analizzat, Dr Cassar spjegat li kien hemm erbgħa ittri anonimi u li hi tanalizza biss il-bolla u l-parti ta’ barra biex tieħu swabs, iżda mhux il-kontenut tal-ittri.

Ix-xhud Patrick Pollacco, uffiċjal tas-sigurtà fil-portijiet, ippreżenta u spjega l-filmati tal-kameras tas-sigurtà fil-port li ntalbu mill-Pulizija dwar il-moviment tad-dgħajsa ta’ Degiorgio fil-ħin tar-reat.

Il-Pulizija Martin Mifsud qal li ntbagħat is-Siġġiewi, fid-dar ta’ Vince Muscat, spjega li dakinhar fetħitilhom mara imma Vince ma kienx hemm. Qal li filgħaxija l-akkuzat ġie ma’ pulizija, nies tal-forensika, u espert tal-europol li mill-kompjuter eleva xi ħaġa.

Carmelo Fava, li mingħandu Alfred Degiorgio keta appartament f’San Pawl il-Bahar, ippreżenta l-kuntratt tal-kirja u qal li l-post kellu jkun għal sena minn Awwissu 2016 imma baqa’ mikri għand Alfred Degiorgio. Mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud għaliex kien hemm isem ‘George’ fuq il-kuntratt, Fava qal li ma jafx u li ma kienx ta każ.

L-Ispettur John Spiteri qal li kien involut fit-tfittxija fid-dar ta’ George Degiorgio li dak il-ħin ma kienx id-dar imma kien hemm is-sieħba tiegħu. Qal li fit-tfittxija ġew elevati mobiles, tablets, xbox, playstations, usbs, kameras tas-sigurta’ li jagħtu fir-residenza stess, sim cards, ċwievet ta’ vetturi, kuntratt bejn George u Ivan Formosa u kontijiet tal-mobiles. Qal li fil-komodina tal-kamra tas-sodda sab akkuża b’żewġ affidavits li jmorru lura għall-2008 u magħhom kien hemm nota b’xi ittri mniżżla fuqha. Qal ukoll li fil-kċina kien hemm nota oħra bi tliet numri u li hu għaraf li setgħu kienu numri ta’ pulizija. Mistoqsi mid-Difiża x’jismu l-espert tal-Europol li kien miegħu fit-tfittxija, Spiteri qal li kien jismu Sam u kien Skandinavu.

Fi tmiem is-seduta d-Difiża u l-Prosekuzzjoni qablu li jinstab espert tal-informatika li jkun kapaċi jeleva l-filmati tal-Forzi Armati li ġew ‘corrupted’.