Politika
AĠĠORNAT: Is-suspettat ‘middleman’ fil-qtil Caruana Galizia ngħata l-proklama

Il-President George Vella, fuq parir tal-Prim Ministru, iffirma l-proklama li tagħti maħfra lil Melvin Theuma, wara li huwa mifhum li huwa kellu l-parir tal-pulizija u tal-Avukat Ġenerali, li fl-aħħar ġimgħa ta’ investigazzjonijiet, Theuma pprovda lill-pulizija provi u evidenza b’saħħitha biex il-pulizija tkun tista tibda proċeduri ġodda fil-Qorti kontra l-mandant f’dan il-każ, li fih hemm ukoll tliet persuni oħra mixlija bil-qtil.

Television Malta jinsab infurmat li Theuma talab li jingħata maħfra presidenzjali għar-reati li wettaq, u jkun lest jipprovdi tagħrif u provi dwar il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.

Kważi ġimgħa ilu, il-Prim Ministru qal li ffirma ittra li lest jirrakkomanda l-maħfra presidenzjali, bil-kundizzjoni li l-allegat intermedjarju f’dan il-qtil jgħaddi l-informazzjoni u l-provi kollha li għandu, u li dan kollu jista’ jiġi kkorraborat fil-Qorti. L-għada li tħabbar dan l-iżvilupp, il-Pulizija interċettat u arrestat lill-imprenditur Yorgen Fenech, li beda jitqies bħala persuna ta’ interess f’dan il-każ.

Sorsi spjegaw li fl-aħħar ġimgħa u nofs kemm ilu jiġi interrogat u miżmum mill-Pulizija, Melvin Theuma ppreżenta lill-investigaturi evidenza b’saħħitha, fosthom fil-forma ta’ messaġġi u recordings. Theuma, li għandu 41 sena, ġie arrestat mill-Pulizija fl-14 ta’ Novembru, f’investigazzjoni li saret bl-għajnuna ta’ esperti tal-Europol fuq allegat reati ta’ ħasil tal-flus. Theuma jaħdem bħala xufier tat-taxi u allegatament kien implikat f’każi ta’ użura u mħatri illegali, fost l-oħrajn.

Sorsi spjegaw li ftit minuti wara li l-President Vella ffirma l-proklama, Melvin Theuma beda jixhed taħt ġurament quddiem il-Maġistrat inkwerenti, biex it-tagħrif u l-evidenza li għandu jkunu parti mill-inkjesta.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal li din id-deċiżjoni ttieħdet b’impenn biex jissolva d-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ara wkoll:

Maħfra biss jekk is-suspettat jagħti provi biex il-moħħ wara l-qtil ta’ Caruana Galizia jitressaq il-Qorti