Kronaka
AĠĠORNAT: “Grazzja kbira li m’inix trab bħal dak il-ġebel” – resident

Tard illejla, għall-ħabta tal-10.40pm, iġġarrfu 3 appartamenti li hemm biswit sit ta’ kostruzzjoni fit-Telgħa ta’ Gwardamangia.  TVM huwa infurmat li ħadd ma weġġa’ minkejja li l-appartamenti kienu joqogħdu fihom in-nies.

Malli ġġarraf il-bini, qamet kommossjoni sħiħa fl-inħawi hekk kif instema’ ħoss kbir ta’ ġebel jaqa’ li ħasad lill-ġirien.  Sar head count biex jiġi stabbilit jekk ir-residenti laħqux ħargu kollha mill-bini qawwijin u sħaħ.

Iż-żona ġiet evakwata minħabba l-periklu li hemm, tant li mal-ħin bdew jaqgħu xi knatan mill-appartamenti.  Fuq il-post il-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun fosthom is-Supretendent Joe Hersey u l-Ispettur Robert Vella, kif ukoll il-Pulizija mit-Taqsima tal-RIU.

Mal-ħin żdied ukoll in-numru ta’ ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jiċċekkjaw il-binijiet humiex ukoll fil-periklu li jaqgħu.  Dan minbarra li ħareġ fid-deher li l-appartamenti li ġġarrfu fihom numru ta’ konsenturi fil-ħitan.

Ħaddiema tal-Enemalta marru wkoll fuq il-post biex jiċċekkjaw jekk hemmx periklu fl-inħawi għar-residenti li joqogħdu fil-qrib tal-bini li ġġarraf minħabba xi wires tal-elettriku li setgħu ntlaqtu minn dan l-inċident.

TVM huwa infurmat li fil-partijiet tal-appartamenti li ġġarrfu ma kien hemm ħadd. L-appartamenti kienu abitati iżda nies ma nzertawx fil-partijiet li waqgħu.

Kif semgħu iċ-ċaqlieq ħarbu lejn taraġ u ħarġu mill-bieb tal-blokka.  Resident qal lil TVM “grazzja kbira li m’inix trab bħal dak il-ġebel”.

Il-kawża tat-tiġrif għadha lanqas mhi magħrufa.  Iktar investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-Għaqda Inħobbu l-Gżira, li hija vuċi kontra l-iżvilupp fuq Manoel Island, qalet li minkejja l-petizzjoni li ressqet quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet bi 8,487 firma, din għadha ma ġietx diskussa fil-Parlament. Fi stqarrija qalet…

Lokali

Il-Gvern fi stqarrija ċaħad rapporti li xxandru fuq mezzi oħrajn tax-xandir u li anke ġew kwotati minn xi membri tal-Oppożizzjoni, dwar żidiet fil-pagi tal-membri tal-Kabinett. Fl-istqarrija l-Gvern qal li dawn…

Għawdex

Ċifri li kiseb TVM juru li nhar Santa Marija, il-kumpanija Gozo Channel operat mad-90 vjaġġ, żieda ta’ 14-il vjaġġ fuq l-istess jum is-sena l-oħra. B’kollox nhar il-Ħamis qasmu lejn Għawdex…

Aktar