Bħalissa l-ajru fuq l-Antartiku b’lanqas ożonu tul dawn l-aħħar snin

Wara li l-livell tal-ożonu stratosferiku deher għal ftit ġej f’tiegħu, xjenzati dan l-aħħar innutaw li l-ożonu fuq l-Antartiku bħalissa għandu l-anqas livell li ġie rreġistrat f’dawn l-aħħar snin.

F’kummenti lil tvm.com.mt l-espert dwar il-klima fi xtutna, Dr Charles Galdies spjega li dan in-nuqqas qed jaffettwa madwar 25 miljun kilometru kwadru. Fi ftit kliem, daqs il-kobor tal-artijiet Ewropej kollha bir-Russja b’kollox li waħedha fiha aktar minn 17-il miljun kilometru kwadru. F’dan l-isfond, Dr Galdies spjega li l-effett ewlieni ta’ dan huma l-għadd ta’ raġġi ultravjola li jaf ikunu perikolużi għall-ħajja hekk kif fost l-oħrajn jistgħu jżidu r-riskju tal-kanċer tal-ġilda.

L-espert dwar il-klima spjega li dan in-nuqqas fl-ożonu tal-Antartiku huwa minħabba l-gassijiet ikkawżati mill-friġġijiet u l-air conditioners, fost l-oħrajn, li kapaċi jkissru l-molekoli tal-ożonu.

Dr Galdies qal li għalkemm il-protokol ta’ Montreal għen sabiex is-saff tal-ożonu jerġa’ jibda jirpilja, għad fadal ħafna xi jsir biex l-ożonu stratosferiku jerġa’ jiġi kif suppost. Żied jgħid, li dak li qed jiġri l-Antartiku jikkonferma l-bżonn li l-gvernijiet għandhom ikomplu jinfurzaw kif meħtieġ bil-għan li jwaqqfu l-użu ta’ kimiċi li jagħmlu ħsara lill-ożonu.