
Ġie kkontrollat f’sagħtejn nar qawwi li ħakem bitħa ta’ impjant tal-Wastserv fil-Marsa li jipproċessa l-fdalijiet tal-annimali. Ħadd ma weġġa’ u ma saritx ħsara fl-impjant. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qies l-operazzjoni tat-tifi tan-nar bħala maġġuri u bi prekawzjoni evakwa nies li jgħixu u jaħdmu fiż-żona.
Għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu nirien ħakmu l-bitħa li hemm ma’ impjant tal-Wasteserve fil-Marsa li jipproċessa l-fdalijiet tal-annimali.
Id-daħna folta li dehret minn diversi bnadi tal-pajjiż kienet indikazzjoni li n-nar mhux żgħir, bid-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila qal li kien hemm riskji minħabba l-presenza ta’ ċilindri tal-gass taħt l-art.
Spjega li għal din ir-raġuni, ġew evakwati n-nies kollha fl-akwati. Id-dipartiment avża wkoll lil residenti ta’ Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Tarxien u Santa Luċija biex iżommu t-twieqi tar-residenzi tagħhom magħluqa sakemm in-nar ġie kontrollat għax intqal li d-dħaħen huma meqjusa tossiċi.
L-operazzjoni ta’ sagħtejn li kienet ikkordinata mill-membri tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili tat il-frott tagħha għax l-operazzjonijiet ta’ matul il-jum setgħu jissoktaw u l-ammont ta’ ħsara kien ikkontrollat
Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Richard Bilocca, qal li n-nar beda fil-bitħa tal-impjant u ma nfirixx. “In-nar jidher li oriġina fil-bitħa minn dak li ngħidulu bone meal li huwa l-prodott li joħroġ minn dan l-impjant qabel il-materjal ikun jista’ jiġi pproċessat fl-inċineratur. In-nar ma resaqx la lejn l-inċineratur u lanqas lejn l-istruttura tal-autoclave. In-nar ġie kontenut fil-bitħa.”
Mistoqsi kif beda n-nar, is-Sur Bilocca wieġeb li għadu kmieni wisq biex wieħed jistabilixxi dan u qal li dwar il-każ infetħet inkjesta bil-Maġistrat u investigazzjoni interna mill-kumpanija.














