Kronaka
AĠĠORNAT: St Peter’s Pool evakwat biex ħelikopter itella’ raġel ferut

Illum, f’Delimara, fil-bajja ta’ St Peter’s Pool, saret operazzjoni ta’ salvataġġ biex jittella’ raġel ferut.

Il-Pulizija qalet lil TVM li kienet infurmata bl-inċident għall-ħabta tas-2.15 ta’ waranofsinhar.

Mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li l-vittma huwa Awstraljan ta’ 28 sena, li sofra ġrieħi ħfief fix-xewka ta’ dahru.

Fuq il-post marru l-Pulizija, l-RIU, il-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati, u tim mediku minn Mater Dei, li flimkien mexxew operazzjoni biex jevakwaw iż-żona min-nies u jtellgħu lir-raġel.

Ir-raġel ittella’ bil-ħelikopter u ttieħed lejn l-Air Wing tal-AFM f’Ħal Kirkop, fejn minn hemm se jittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza.