Qorti
AĠĠORNAT: Matthew Caruana Galizia jixhed dwar l-investigazzjoni t’ommu fil-kuntratt tal-Electrogas

Għall-ħabta tal-10.30 ta’ dalgħodu daħal f’awla ppakkjata l-akkużat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, fost preżenza qawwija ta’ gwardjani armati, biex tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih.

Ix-xhud ewlieni f’din is-seduta kien iben il-vittma; Matthew Caruana Galizia, li xehed dwar l-investigazzjoni li kien qed jassisti lil ommu fiha b’rabta mal-kuntratt tal-Electrogas.

Xhieda oħra kienu jinkludu, fost oħrajn, analista forensiku mill-Europol u negozjat li kien jikri l-karozzi lil Alfred Degiorgio.

Matthew Caruana Galizia jixhed fuq l-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel ommu

Tela’ jixhed Matthew Caruana Galizia, fejn qal li huwa d-direttur tal-fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, u li kien jaħdem mal-ICIJ.

Qal li meta kien mal-ICIJ jaħdem fuq il-Panama Papers fl-2015, ommu bdiet tinvestiga l-Electrogas f’Malta. Spjega li xi ġurnalisti li kien qed jaħdem magħhom kienu qed jinvestigaw lis-SOCAR, li kellha ishma fl-Electorgas, u għalhekk beda jaħdem iktar mill-qrib m’ommu.

Żied li fl-2017 ommu kellha ħafna pressjoni u proċeduri legali kontriha, imma bdiet ukoll tirċievi ħafna tagħrif mis-sorsi. Qal li għen lil ommu biex twaqqaf sistema diġitali biex tkun tista’ tikkomunika mas-sors b’mod diġitali. Qal li ommu ħarġet xi artikli dwar parti minn dan it-tagħrif, iżda ddeċidew li ma jippublikawx kollox minħabba l-kaos tal-elezzjoni.

Caruana Galizia qal li kienu biss hu, ommu u ftit ġurnalisti oħra li kienu involuti, iżda wara l-qtil t’ommu bagħat it-tagħrif lil żewġ ġurnalisti investigattivi oħra u għamel il-kopji u bagħathom lil nies ta’ fiduċja, biex f’każ li jiġrilu xi ħaġa l-informazzjoni ma tintilifx.

Kompla jgħid li fl-2017 ommu kienet tatu numri ta’ diversi persuni li allegatament kienu f’kuntatt ma’ Keith Schembri, u wieħed minnhom kien ta’ Yorgen Fenech. Qal li dan it-tagħrif kien preċiż u ġie kkonfermat.

Dwar Macbridge u 17Black, qal li ommu kienet qed tinvestigahom qabel midja oħra. Dwar messaġġi bejn u bejn ommu riprodotti minn xi midja, qal li fihom ommu talbitu email li fih jissemmew il-kumpaniji biex tkun tista’ tipproteġi s-sorsi, iżda qalilha li d-data tiegħu ma tmurx daqstant lura. Żied li tilef il-mobile iżda kkonferma li din il-konverżazzjoni bejniethom seħħet.

Qal li ommu ma kienet tibgħatlu xejn elettronikament dwar it-tagħrif li kellha, u għalhekk kien jiġi spiss f’Malta biex jiddiskutu dak li kellha f’idejha.

Jgħid li Silvio Valletta u Yorgen Fenech kellhom grupp fuq Whatsapp

Matthew Caruana Galizia allega li ommu kienet qaltlu li Ian Abdilla ma kienx affidabbli għax kien viċin tal-persuni li kienet qed tinvestiga.

Qal li m’ommu kien iddiskuta wkoll lil Silvio Valletta u l-irwol li kellu fl-FIAU. Qal li Valletta u Fenech kienu fi grupp fuq Whatsapp li kien jismu “No Valletta no party.”

Caruana Galizia jsemmi artiku li ommu kienet kitbet dwar Konrad Mizzi fi Frar 2016, u sena wara semmiet il-kumpanija 17 Black l-Emirati Għarab Magħquda, u kif din allegatament kienet qed tintuża biex jimxu l-flus marbuta mal-Electrogas. Kien f’dan iż-żmien li qal li bdew jinnotaw li Fenech kellu influwenza kbira.

Jirreferi għal email mingħand Michael Kuntz, li kien kordinatur tal-proġett tal-Electrogas, li fih jistaqsi lil Fenech jekk għandhomx jagħmlu xi ħaġa li tolqot ir-relazzjoni ma’ “Special K”. Id-difiża toġġezzjona li din hija evidenza ta’ referenza għal Keith Schembri.

Caruana Galizia jaqra emails mibgħuta minn Fenech

Matthew Caruana Galizia qara fl-awla partijiet minn emails mibgħuta minn Yorgen Fenech lil martu fl-2018, fejn jitkellem dwar l-istress li kellu u li kien imbeżża’, kif ukoll fuq pjani biex jiftaħ libell lil David Casa u Manuel Delia.

Caruana Galiza jgħid wara l-mewt t’ommu għamel ħiltu biex ikompli bl-investigazjoni u baqa’ jitkellem mas-sorsi, fejn eventwalment ra l-evidenza li Fenech huwa s-sid ta’ 17Black.

Jgħid li skoprew li Fenech kien instab ħati ta’ pussess ta’ droga

Caruana Galizia kompla jixhed li wara l-qtil t’ommu, skoprew li Fenech kien instab ħati ta’ pussess ta’ droga fl-Istati Uniti. Id-difiża toġġezzjona u tgħid li jekk se jixhdu fuq il-karattru tal-akkużat, id-difiża tirriserva d-dritt li tagħmel l-istess max-xhud.

Id-difiża terġa’ toġġezzjona għar-referenza dwar ir-relazzjoni bejn Fenech u Mizzi li Caruana Galizia qal li toħroġ mill-mobile ta’ Fenech.

Caruana Galizia kompla jgħid li ommu qatt m’urietu dokumenti sensittivi fuq il-laptop tagħha  u jiċħad li dawn kienu maħżuna fil-laptop. Jgħid li huwa ħażen id-dokumenti fuq external hard drive u kien iġorru miegħu kullimkien.

Analista forensiku tal-Europol jixhed dwar il-mobiles elevati dakinhar tal-arrest ta’ Fenech

Beda jixhed Sami Harmoinen, uffiċjal tal-Europol li jaħdem bħala analista forensiku. Qal li ġie mqabbad mill-Maġistrat inkwirenti bħala l-espert tal-Qorti Maltija sabiex jassisti lill-awtoritajiet Maltin fl-investigazzjoni. Spjega li xogħlu kien li janalizza informazzjoni minn mobiles u affarijiet oħra.

Qal li ngħata kompjuter li kien instab f’uffiċċju f’Portomaso, u li minkejja kien imsakkar b’password, qal li ma kienx enycrpted, u allura dan ġie elevat sabiex jiġi analizzat iktar tard.

Id-difiża eżaminat lix-xhud, li ġie mistoqsi dwar in-notamenti li ħa matul l-investigazzjoni u r-rapporti li nkitbu. Qam ukoll battibekk bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża minħabba l-linja ta’ domandi li qabdet din tal-aħħar. Il-prosekuzzjoni qed takkuża lid-difiża li qed tikkwota ħażin lix-xhud.

Intant ix-xhud ġie mistoqsi kif jiftakar il-fatti ta’ dak li qed jixhed dwaru, jekk fi kliemu stess, ma ħax noti. Qal li qed jixhed mill-memorja u li ħa xi notamenti biex jipprepara lilu nnifsu dalgħodu qabel is-seduta.

L-espert tal-Europol jixhed dwar il-mobiles li ġew elevati dakinhar tal-arrest ta’ Yorgen Fenech. Fir-rapport tiegħu hu kiteb li mobile minnhom kien ta’ negozjant, u l-mobile l-ieħor kien ta’ kaptan tal-baħar.

Id-difiża qed tiġi akkużata mill-prosekuzzjoni li qed taħli l-ħin. Id-difiża tgħid li d-domandi li qed tistaqsi huma relevanti għall-każ minħabba li qed tistaqsi dwar il-kapaċitajiet tal-istess esperti.

Battibekk ieħor hekk kif id-difiża qalet li barra l-awla tal-Qorti rat lix-xhud jitkellem ma’ Matthew Caruana Galizia. Ix-xhud qal li ma jafx lil Caruana Galzia, u iktar tard qal li kien qed jitkellem mal-avukat tal-parte civile, Jason Azzopardi, fejn qal li kienu qed jitkellmu dwar it-temp.

Warajh issejjaħ biex jixhed Alvin Cardona, wieħed mill-persuni tekniċi li ħadem sabiex jagħmel transcripts ta’ recordings relatati mal-każ. Qal li b’kollox ħadem fuq 81 recording. Spjega kif qagħad jisma’ r-recordings wieħed wieħed u ta spjega teknika ta’ kif taħdem is-sistema.

Jixhed in-negozjant li kera l-karozzi lil Alfred Degiorgio

Tela’ jixhed ukoll Raymond Schembri, li kien jikri l-karozzi. Qal li kera karozza Hyundai i10 lil ċertu Alfred (Degiorgio), li qabel kellu Peugeot 407 imma talbu biex jibdilhielu.

Qal li Alfred kera diversi karozzi mingħandu, u kien imur il-garaxx ma’ raġel iktar anzjan li kien ikun liebes beritta.

Il-Hyundai damet għandu bejn 10 u 12-il jum. Jgħid li ma setax isib id-dokumenti marbuta mal-kirja, għax meta l-kirja tintemm jaħraq kollox minħabba dettalji “jaħarqu” ta’ ċertu persuni bil-visa.

Wara Schembri xehdu żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta dwar dgħajjes reġistrati fuq George u Alfred Degiorgio. Xehed ukoll Miguel Caruana mill-GO li spjega għalfejn għamel top-up tal-mobile lil George Degiorgio u qal li kien imur jistad miegħu fil-Marsa.

Is-seduta tal-lum ġiet aġġornata għat-2 t’Awwissu, filwaqt li l-kontroeżami ta’ Matthew Caruana Galizia għandu jsir fit-12 t’Awwissu.