COVID-19
Bħall-bqija tad-dinja Malta tinsab fi gwerra kontra dan il-virus – il-PM

Il-Gvern ħabbar pakkett ta’ miżuri li sar bi qbil mal-imsieħba soċjali bl-għan li jkompli jgħin lill-oqsma li ntlaqtu, u se jkomplu jintlaqtu, mill-imxija tal-Covid 19 f’Malta. Dan il-pakkett ta’ miżuri se jiswa bejn 65 u 70 miljun ewro fix-xahar u hu retroattiv mid-9 ta’ Marzu li għadda.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bħall-bqija tad-dinja, Malta tinsab fi gwerra li mhix gwerra tal-armi, imma gwerra kontra dan il-virus bl-għan li l-pajjiż joħroġ minn din is-sitwazzjoni. Ħabbar li hu se jkun qed joffri l-paga tiegħu ta’ xahar biex jgħin biex tkun indirizzata din is-sitwazzjoni li laqtet ħafna ħaddiema.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se jagħti 800 ewro fix-xahar lil kull ħaddiem li jaħdem fis-setturi li l-iktar li ntlaqtu b’mod drastiku mill-imxija tal-coronavirus, fosthom is-settur turistiku u dawk l-industriji li kellhom jagħlqu temporanjament kawża tad-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern biex iħares is-saħħa tal-poplu. Hu stmat li mit-turiżmu biss il-pajjiż se jitlef 2 biljun ewro. Minbarra t-turiżmu, is-setturi l-oħra l-iżjed milquta huma wholesale, retail, akkomodazzjoni, ristoranti, kiri ta’ karozzi u muturi, aġenziji tal-ivvjaġġar, sigurtà, tindif, trasport, entertainment u attivitajiet personali bħall-barbiera, hairdressers u beauticians. Għal dawn l-industriji l-iktar milquta, il-Gvern kien se jħallas ta’ jumejn xogħol ibbażat fuq 800 ewro fix-xahar. Bil-pakkett aġġornat issa l-Gvern se jkun qed iħallas sa 5 ijiem xogħol u b’hekk se jagħti 800 ewro fix-xahar. Din il-miżura se tolqot 60,000 impjegat u se tiswa 44 miljun ewro fix-xahar.

Għas-setturi l-oħrajn, bħal partijiet mill-wholesale, manifattura u warehousing, il-Gvern se jagħti ġurnata ħlas ibbażata fuq 800 ewro fix-xahar, bil-possibbilità li din titla’ għal jumejn. Din il-miżura se tolqot 50,000 ħaddiem u se tiswa 17-il miljun ewro fix-xahar.

Għall-Għawdxin, minbarra li tapplika l-miżua ta’ 800 ewro fix-xahar, il-Gvern se jkun qed iħallas jumejn xogħol ibbażati fuq 800 ewro fix-xahar għall-oqsma l-oħra. Is-self employed li jħaddmu nies magħhom, minflok jumejn, se jingħataw għajnuna għal 3 ijiem xogħol.

L-għajnuna għal dawk li jaħdmu fuq bażi full time se tkun ta’ 800 ewro u għal dawk fuq bażi part time din l-għajnuna se tkun ta’ 500 ewro.

Bi qbil bejn min iħaddem u l-unions fl-MCESD, minbarra t-800 ewro fix-xahar, min iħaddem se jagħti minimu ta’ 400 ewro oħra. Min iħaddem u ma jistax jiggarantixxi dan għandu jmur għand id-direttur tax-xogħol u jrid jinħoloq mekkaniżmu li permezz tiegħu jkun jista’ jagħrbel jekk min iħaddem għandux raġun jew le.

Dr Abela qal li dan kollu qed isir biex ladarba l-pajjiż joħroġ minn dan kollu n-negozji ma jkollhomx għalxiex jibdew mill-bidu u jerġgħu jfittxu l-impjegati.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

80 ħaddiem barrani li nstabu joqogħdu f’lukanda f’Tas-Sliema li suppost hi magħluqa b’avviż ta’ infurzar ġew ordnati mill-Awtorità tat-Turiżmu biex imorru joqogħdu f’post ieħor. Television Malta jinsab infurmat li dawn…

Lokali

Diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli biex waqt li jservu fl-isptar fost pazjenti bil-Coronavirus, jinfirdu mill-għeżież tagħhom u jmorru joqgħodu band’ oħra. F’din is-sitwazzjoni, il-fergha taż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika…

COVID-19

Minn Malta, indawru ħarsitna madwar id-dinja. Nibdew bi Spanja, fejn il-morsa tal-COVID-19 kompliet tissikka bl-ogħla għadd ta’ imwiet f’ġurnata. Rekord ta’ mwiet f’jum wieħed fi Spanja. Fl-aħħar 24 siegħa, mietu…

COVID-19

Koki li jaħdmu f’diversi ristoranti li jinsabu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li saru, ma spiċċawx b’idejhom fuq żaqqhom għax xammru l-kmien u b’mod volontarju qed iħejju ikliet bnini għal ħaddiema fost…

Aktar