Politika
“Bi stabilità fil-Libja jgawdu wkoll l-investituri Maltin” – l-Ambaxxatur Malti fil-Libja

Malta se tibqa’ tagħti sostenn lil-Libja waqt il-perjodu tranżitorju li għaddejja minnu sakemm isiru l-elezzjonijiet ġenerali f’Diċembru li ġej.

Dan qalu l-Ambaxxatur Malti fi Tripli, Charles Saliba, li f’intervista maċ-Ċentru tal-Aħbarijiet stqarr li jekk ikun hemm stabbilità fil-Libja tkun opportunità tad-deheb għall-investituri Maltin.

Iżda sakemm il-pajjiż jikseb stabbilità iridu jiġu ndirizzati bosta kwistjonijiet legali dwar kif se jsiru l-elezzjonijiet kif ukoll kif il-poplu se jistejqer mill-ġerħa tal-atoriċitajiet tal-gwerra li qed ixekklu l-proċess elettorali.

Fi żmien xahrejn il-poplu Libjan mistenni jivvota f’elezzjonijiet Presidenzjali u Parlamentari taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Madanakollu l-pajjiż ma jistax jinfatam mill-instabiltà minħabba kwistjonijiet dwar l-arranġamenti kostituzzjonali għall-elezzjonijiet kif ukoll memorji korok tal-gwerra ċivili li donnhom għadhom qed ixekklu l-proċess tranżitorju f’dan il-pajjiż ġar tagħna.

F’dan il-proċess tranżitorju Malta tinsab minn ta’ quddiem sabiex tappoġġja l-proċess demokratiku fil-Libja.

Fost l-oħrajn bil-ftuħ mill-ġdid tal-ambaxxata fi Tripli bil-pjan li tinfetaħ oħra f’Benghazi kif ukoll it-tijiriet mill-ġdid bejn iż-żewġ pajjiżi.

Minkejja dan l-Ambaxxatur Malti fit-Tripli Charles Saliba stqarr maċ-Ċentru tal-Aħbarijiet li jkun hemm min ikun hemm fit-tmun tal-Libja, Malta se tkompli tagħti sostenn għal Libja aħjar.

Huwa stqarr li Libja stabbli hija opportunità tad-deheb għall-investituri Maltin.

“Il-Libja dejjem kienet post ta’ investimenti Maltin. Kien hawn 2,500 ġo Tripli biss. Qabel l-2011 kien hawn Maltin … il-production ġo Malta iġibu l-makkinarju … hawnhekk għandek dawl irħis …  l-ilma irħas … kera rħisa … investitur Malti kien jiġi ġol-Libja u jżommha bħala hub … l-importanza tal-Libja. Illum għandek kejk ikbar immens”.

Is-sitwazzjoni preżenti fil-Libja, 10 snin wara r-rivoluzzjoni kontra Gaddafi, ġiet trattata f’dokumentarju li xxandar l-Erbgħa fuq TVM bħala parti mis-sensiela Carter Jirrapporta.

L-opportunitajiet ta’ negozju fil-pajjiż ġar mhumiex biss għall-imprendituri Maltin iżda wkoll għan-negozjanti żgħażagħ Libjani li qed jaraw prospetti tajbin ekonomiċi u kummerċjali fil-Libja.

Eżempju ċar huwa Usama Raba, investitur żagħżugħ li kiber Malta u għadu kemm fetaħ lido mal-kosta tal-kapitali Tripli.

“I actually grew up in Malta, I spent 9 years in Malta & they were some of the best years of my life. Jien Malti eh! Jien meta l-ajruplan jinżel l-ajruport I feel at home. I have to be frank this this design I think I got I got it from the Maltese vibes”.

“Well, this is a very special case something new Libyan company and they had this idea to start do some changes on the coastal areas of the city which is very unique and to show invest in Libya take our money.
Like everybody to became a better place safer and more prosperous”.

Iżda għal Libjani oħrajn ir-rivoluzzjoni xekklet il-prosperità li kienu jgawdu fl-era Gaddafi bi prezzijiet għola u inqas flus fl-idejn.

Għaxar snin mill-waqgħa tar-reġim ta’ Gaddafi, kru taċ-Ċentru tal-Aħbarijiet tkellem ma’ dawk li ġġieldu għall-libertà u oħrajn li f’dan l-isfond xorta waħda qed jipprovaw idawwru r-rota.

Id-dokumentarju sħiħ dwar il-Libja f’Carter Jirrapporta jinsab fuq tvmi.mt.