Biden fl-Ukrajna

Il-Viċi-President Amerikan Joe Biden illum mistenni jkollu taħdidiet fi Kiev ma’ membri tal-gvern proviżorju Ukren biex iwasslilhom l-appoġġ ta’ pajjiżu fil-konfrontazzjoni mal-militanti li jridu jaqsmu l-Ukrajna u jgħaqqduhom mar-Russja.  

Biden u l-President Oleksander Turchynov se jiltaqgħu fil-bini  fejn hemm il-parlament Ukren, ir-Rada, li tiegħu Turchynov huwa l-president. Wara, huwa mistenni jindirizza l-parlamentari mir-reġjuni kollha tal-Ukrajna u jiltaqa’ mal-aġent Prim Ministru Arseniy Yatsenyuk.

Biden mistenni li jħabbar li l-Istati Uniti se jagħtu lill-Ukreni għajnuna biex jimplimentaw riformi ekonomiċi u fil-qasam tal-enerġija.

Il-viċi peresident Amerikan mistenni jwissi wkoll lir-Russja li l-Amerika lesta tħarrax is-sanzjonijiet kontriha jekk ma twaqqafx il-militanti milli jkomplu jokkupaw il-bini tal-gvern.