Barranin
AĠĠORNAT: Biden kunfidenti li se jirbaħ, Trump b’azzjoni legali fuq l-għadd tal-voti

Il-Kandidat Demokratiku Joe Biden qal li hu ċar li meta jispiċċa l-għadd tal-voti tal-elezzjoni Presidenzjali Amerikana, se joħroġ rebbieħ. Waqt diskors qasir, Biden qal li madanakollu mhux jiddikjara li rebaħ l-elezzjoni.

“Now after a long night of counting, it’s clear that we are winning enough states to reach 270 electoral votes needed to win the presidency. I’m not here to declare that we have won. But I am here to report when the count is finished, we believe we will be the winners.” – Joe Biden

F’diskors li fih saħaq fuq l-għaqda nazzjonali, Biden qal li bħala President hu se jkun il-President tal-Amerikani kollha, waqt li faħħar l-ammont kbir bla preċedent ta’ persuni li xeħtu il-vot tagħhom. Qal li rebħa għalih tkun tfisser li għar-raba darba fl-istorja Amerikana, kandidat ikun għeleb lill-President attwali.

Waqt li Biden qal li kull vot irid jingħadd, Trump qed jiftaħ azzjonijiet legali kontra biex iwaqqaf l-għadd tal-voti fi stati bħal Wisconsin, Georgia, Pennsylvania u Michigan., waqt li mistenni jressaq każ quddiem il-qorti suprema minħabba dak li sejjaħ frodi fl-elezzjoni. Trump s’issa rebaħ 23 stat, fosthom Texas, Ohio u Florida, u kiseb riżultat ferm aqwa minn dak previst fl-istħarriġ li sar qabel.

Rapporti qed jindikaw li Biden mistenni jirbaħ l-istati ta’ Wisconsin u Michigan fejn iż-żewġ kandidati baqgħu ras imb’ ras sal-aħħar. Dawn huma stati kruċjal fit-triq biex il-kandidat rebbieħ jikseb il-270 vot meħtieġ.