Unjoni Ewropea
AĠĠORNAT: Bidla fit-ton bejn l-UE u l-Afrika – il-PM

Wara s-summit ta’ Malta bejn il-mexxejja Ewropea u Afrikani, iż-żewġ naħat reġgħu ltaqgħu fi Vjenna, f’tarf il-Presidenza tal-Awstrija, bit-tema bejniethom ma tiffukax biss fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Il-Prim Ministru Joseph Muscat li attenda għas-summit, stqarr li fil-laqgħa seta josserva bidla fit-ton tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat li jfittxu li jiżviluppaw oqsma ta’ koperazzjoni ekonomika anke fid-dawl li l-Afrika qed tattira investiment minn qawwiet oħrajn, ewlenin fosthom iċ-Ċina.

Il-laqgħa tal-Livell Għoli bejn mexxejja tal-Unjoni Ewropea u ta’ pajjiżi Afrikani, fil-kapitali tal-Awstrija, Vjenna, immarkat bidla fit-ton fir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Afrika. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni m’għandiex tkun il-perm tar-relazzjonijiet mal-kontinent Afrikan għaliex hemm interessi oħrajn li ma jistgħux jiġu traskurati.

“Huwa ovvju li l-investimenti li qed isiru minn pajjiżi oħra u huwa ovvju l-attitudni li qegħdin jużaw potenzi internazzjonali oħra fir-rigward tal-Afrika, qed ikollhom riżultati ferm importanti. Allura t-ton li qed jintuża huwa ton differenti dan anke għax huwa ċar li hemm opportunitajiet kbar,” spjega l-Prim Ministru.

Dr Muscat sostna li l-mexxejja Ewropej u Afrikani ma ltaqgħux biex jitkellmu fuq l-immigrazzjoni biss, imma biex jitkellmu ukoll f’kuntest ferm usa li jwassal għal aktar riżultati.

“Hemm oqsma bħal dawk tat-teknoloġija u l-avvanzi li qegħdin nagħmlu aħna f’teknoloġija bħal blockchain, b’mod regolatorju huma ta’ interess qawwi għal pajjiżi Afrikani. Jkun hemm min għandu sterjotipi f’moħħu, per eżempju li mhemmx teknoloġija fl-Afrika. M’hemm xejn iktar ‘il bogħod minn dan.”

Dr Muscat qal li sħubija Afrikana-Ewropea fl-isfera diġitali għandha tkun mibnija fuq ideat u valuri komuni. It-trasformazzjoni diġitali għandha tippermetti lill-gvernijiet u s-soċjetà jiffaċċjaw sfidi bħat-tkabbir demografiku, t-tibdil fil-klima, il-ħolqien sostenibbli tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar. Il-Prim Ministru qal li Malta hija ħerqana li tkompli tiżviluppa r-relazzjonijiet mal-Afrika anke f’livell bilaterali.

“Hemm suq għalina fil-fehma tagħna, u hemm mod minn fejn naħdmu iktar ‘il quddiem, u għalhekk ukoll li bħala Gvern iddeċidejna li niftħu Kummissjoni Għolja fil-Ghana għax naraw potenzjal f’dan il-pajjiż, imma mbagħad mill-Ghana nibbranċjaw f’pajjiżi oħra Afrikani, li sal-lum ma kellniex kuntatt daqshekk tajjeb magħhom, u li diġà qed ikollna relazzjoni tajba f’dak li għandu x’jaqsam mal-kuntatti kummerċjali li jista’ jkollna.”

Din il-laqgħa ta’ Livell Għoli kienet ukoll opportunità biex kapijiet eżekuttivi ta’ kumpaniji globali jiltaqgħu mal-kapijiet tal-gvernijiet u flimkien jiddiskutu investiment potenzjali u koperazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat.

Ara wkoll:

Il-PM fi Vjenna għal-laqgħa bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Afrika

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Inqas minn tliet xhur wara li ġie fi tmiemu s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ, eluf ta’ żgħażagħ qed jinġabru fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-Papa Franġisku jasal il-Panama għada bil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu…

Ikel

Fl-isfond tal-kontroversja li bdiet wara s-servizz tal-aħbarijiet ta’ TVM mal-Imam Mohammad Elsadi, dwar il-qtil tal-annimali bir-ritwal Musulman, komplejna nsegwu l-kwistjoni. Mhux eskluż li l-qtil tal-annimal bis-sistema tal-halal, għalkemm mhux isir…

Trasport

Is-sidien tal-pompi tal-petrol bdew b’azzjonijiet industrijali minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-Gvern dwar it-talba għal żidiet fil-qligħ tagħhom. L-azzjoni ewlenija hi li l-pompi mhux se joffru s-servizz mill-magni awtomatiċi wara s-sitta…

Familja

Matul is-sena li għaddiet kien hemm xejn inqas minn 1,303 koppji li żżewġu fuq cruise liner li jtajjar il-bandiera Maltija. Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mistoqsija tad-Deputat…

Aktar