Unjoni Ewropea
Bidu ġdid għall-Ewropa

Hekk kif jibda jidlam, illejla, ix-xemx se tkun niżlet fuq aktar minn 45 sena ta’ sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea. Għalina, bħala l-Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE, illum se tkun inevitabbilment ġurnata ta’ riflessjoni u ta’ taħlita ta’ emozzjonijiet — kif se tkun għal ħafna nies.

Ħsibijietna huma ma’ dawk kollha li għenu biex l-Unjoni Ewropea ssir dak li hi llum. Dawk li huma mħassba dwar il-futur tagħhom jew diżappuntati jaraw lir-Renju Unit jitlaq. Dawk il-membri Brittaniċi tal-istituzzjonijiet tagħna li għenu fit-tiswir ta’ politiki li għamlu l-ħajja aħjar għal miljuni ta’ Ewropej. Aħna se naħsbu fir-Renju Unit u l-poplu tiegħu, il-kreattività, l-inġenjożità, il-kultura u t-tradizzjonijiet tiegħu, li kienu parti vitali min-nisġa tal-Unjoni tagħna.

Dawn l-emozzjonijiet jirriflettu kemm ir-Renju Unit huwa għal qalbna — xi ħaġa li tmur ferm lil hinn mis-sħubija fl-Unjoni tagħna. Dejjem iddispjaċiena profondament għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq, iżda dejjem irrispettajniha bis-sħiħ. Il-ftehim li lħaqna huwa ġust għaż-żewġ naħat u jiżgura li miljuni ta’ ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit ikomplu jkollhom id-drittijiet tagħhom protetti fil-post li jsejħu darhom.

Fl-istess ħin, jeħtieġ li nħarsu lejn il-futur u nibnu sħubija ġdida bejn il-ħbieb. Flimkien, it-tliet istituzzjonijiet tagħna se jagħmlu dak kollu li jistgħu biex dan ikun suċċess. Lesti biex inkunu ambizzjużi. Kemm dik is-sħubija se tkun profonda jiddependi minn deċiżjonijiet li għad iridu jittieħdu. Għax kull għażla għandha konsegwenza. Mingħajr il-moviment liberu tal-persuni, ma jistax ikun hemm moviment liberu tal-
kapital, tal-oġġetti u tas-servizzi. Mingħajr kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-ambjent, ix-xogħol, it-tassazzjoni u l-għajnuna mill-Istat, ma jistax ikun hemm l-ogħla aċċess ta’ kwalità għas-suq uniku. Mingħajr ma tkun membru, ma tistax iżżomm il-benefiċċji tas-sħubija.

Matul il-ġimgħat, ix-xhur u s-snin li ġejjin, se jkollna nħollu xi ħjut minn dak li nsiġna flimkien bejn l-UE u r-Renju Unit fuq ħames deċennji. U hekk kif nagħmlu dan, ser ikollna naħdmu qatigħ biex flimkien ninsġu triq ’il quddiem bħala alleati, sħab u ħbieb.

Filwaqt li r-Renju Unit mhux se jibqa’ membru tal-UE, se jibqa’ parti mill-Ewropa. Il-ġeografija, l-istorja u r-rabtiet komuni tagħna f’ħafna oqsma inevitabbilment jgħaqqduna u jagħmluna alleati naturali. Ser inkomplu naħdmu flimkien fuq l-affarijiet barranin, is-sigurtà u d-difiża b’għan komuni u interessi reċiproċi kondiviżi. Iżda ser nagħmlu dan b’modi differenti.

M’aħniex qed nissottovalutaw il-kompitu li jinsab quddiemna, iżda fiduċjużi li b’rieda tajba u b’determinazzjoni nistgħu nibnu sħubija dejjiema, pożittiva u siewja.

Iżda għada se jkun ukoll jum ġdid għall-Ewropa.

L-aħħar ftit snin qarrbuna lejn xulxin — bħala nazzjonijiet, bħala istituzzjonijiet u bħala poplu. Fakkruna lkoll li l-Unjoni Ewropea mhijiex biss suq jew qawwa ekonomika iżda tirrappreżenta valuri li lkoll kemm aħna nikkondividu u niddefendu. Kemm aħna aktar b’saħħitna meta nkunu flimkien.

Huwa għalhekk l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea se jkomplu jgħaqqdu l-forzi tagħhom u jibnu futur komuni. F’era ta’ kompetizzjoni qawwija ħafna u ta’ ġeopolitika turbolenti, id-daqs huwa importanti. L-ebda pajjiż waħdu ma jista’ jżomm lura l-mewġa tat-tibdil fil-klima, isib soluzzjonijiet għall-futur diġitali jew ikollu vuċi b’saħħitha fil-kakofonija tad-dinja li qiegħda dejjem tiżdied.

Iżda flimkien, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jistgħu.

Nistgħu għax għandna l-akbar suq intern fid-dinja. Nistgħu għax aħna l-akbar sieħeb kummerċjali għal 80 pajjiż. Nistgħu għax aħna Unjoni ta’ demokraziji vibranti. Nistgħu għax il-popli tagħna huma determinati li jippromwovu l-interessi u l-valuri Ewropej fix-xena dinjija. Nistgħu għax l-Istati Membri tal-UE ser jużaw il-poter ekonomiku u kollettiv konsiderevoli tagħhom f’diskussjonijiet mal-alleati u l-imsieħba – l-Istati Uniti, l-Afrika, iċ-Ċina jew l-Indja.

Dan kollu jagħtina sens imġedded ta’ skop komuni. Għandna viżjoni komuni ta’ fejn irridu mmorru u impenn biex inkunu ambizzjużi dwar id-definizzjoni tal-kwistjonijiet ta’ żminijietna. Kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, irridu nkunu l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050, u b’hekk fil-proċess noħolqu impjiegi u opportunitajiet ġodda għan-nies. Irridu nkunu minn ta’ quddiem fil-ġenerazzjoni li jmiss tat-teknoloġiji diġitali u rridu tranżizzjoni ġusta sabiex inkunu nistgħu nappoġġjaw lill-persuni l-aktar affettwati mit-tibdil.

Aħna nemmnu li l-Unjoni Ewropea biss tista’ tagħmel dan. Iżda nafu li dan nistgħu nagħmluh biss flimkien: in-nies, in-nazzjonijiet, l-istituzzjonijiet. U aħna, bħala Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet, impenjati li nagħmlu l-parti tagħna.

Din il-ħidma se tkompli hekk kif ix-xemx titla’ għada.

Dan l-artiklu ġie miġjub minn:

 

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

53 impjegat minn kumpanija privata li kellhom jieqfu mix-xogħol minħabba l-imxija tal-COVID19, se jxammru l-kmiem biex jaħdmu fuq progetti ta’ manutenzjoni f’żoni turistiċi. Għall-impjegati tal-kumpanija Ozo Malta li xogħolhom jiddependi…

COVID-19

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li hemm bżonn pakkett finanzjarju ieħor mill-Gvern biex itaffi d-daqqa li l-pandemija qed tikkawża lill-ekonomija. Il-Kamra ppreżentat il-proposti aġġornati tagħha lill-Gvern u sejħet għall-għajnuna addizzjonali li stmat…

COVID-19

It-terremot ekonomiku li ġabet il-pandemija jista’ jirvina bosta negozji. Madankollu l-istint imprenditorjali li wieħed jadatta għar-realtajiet ġodda jispikkaw f’dawk li ħabblu moħħhom u ħadu inizjattivi biex jibqgħu jdawru r-rota. Fost…

Lokali

Il-Kamra tal-Kummeċ sejħet biex tingħata spjegazzjoni dettaljata u trasparenti dwar il-kuntratt li sar ħames snin ilu minn Project Malta biex l-Istitut tal-Istudji Turistiċi jgħaddi f’idejn il-grupp DB għal proġett turistiku,…

Aktar