Lokali
Bidu iebes imma kunfidenti li jkollhom 1,000 student f’sentejn – iridu jirranġaw binja oħra f’Bormla

L-awtoritajiet tal-edukazzjoni qed jikkunsidraw applikazzjoni tal-Università Amerikana ta’ Malta biex tibda toffri korsijiet li jkunu kollha online. Effett tal-pandemija wkoll, l-istess Università qed toffri boroż ta’ studju lil nies li jgħixu Malta u jridu jsegwu kors magħha bit-tneħħija tal-miżata tal-kors.

F’intervista ma’ Television Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-Università, Ziya Alpay, għaraf id-diffikultajiet fl-ewwel snin tal-operat iżda hu kunfidenti li la tgħaddi l-pandemija jattiraw lejn Malta studenti internazzjonali fil-livelli li kienu pjanaw qabel. Qal li sa sentejn oħra jridu li jkollhom elf student fil-kampus ta’ Bormla u għalhekk l-urġenza li jirranġaw it-tieni binja u faċilitajiet oħra hawnhekk.

Il-Kap Eżekuttiv wieġeb dwar il-viabilità tal-università u jekk fin-nuqqas tagħha l-iskop edukattiv tal-proġett għadx jinbidel f’wieħed ta’ spekulazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv Università Amerikana ta’ Malta,Ziya Alpay qal “this place is built as a university, and will always be a university. I’m sure that in a couple of years, all the Maltese people will be proud of this place.”

Dikjarazzjoni skjetta minn Ziya Alpay, il-Kap Eżekuttiv tal-Università Amerikana ta’ Malta, meta mistoqsi dwar il-ġejjieni ta’ din l-università li ilha mwaqqfa erba’ snin u topera b’liċenzja li magħha hemm marbuta għadd ta’ obbligi. Qal li bħalissa għandhom 110 studenti – aktar minn 90% minnhom barranin – u dan ix-xahar se jitilgħu għal 10 l-gradwati minn din l-istituzzjoni.

Bħal kulħadd, il-pandemija kienet daqqa ta’ ħarta fil-pjani għall-iżvilupp tal-università, bis-Sur Alpay jgħid li qed jistennew lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla tapprovalhom programm ta’ tagħlim li jkun kollu online. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kap Eżekuttiv qal li mhux talli naqqsu l-miżati iżda qed joffru kors sħiħ mingħajr ħlas lil kull min jgħix Malta u għandu l-kriterji biex jidħol f’din l-università. Dawn il-boroż ta’ studju se jingħataw lil studenti li japplikaw matul din is-sena.

TVM staqsa lill-Kap Eżekuttiv tal-Università kif qed jagħtu dawn il-boroż ta’ studju ġenerużi meta ġie rrappurtat li fl-ewwel tliet snin ta’ operat għamlu €11-il miljun telf. Wieġeb li dan kien mistenni u hu normali fi proġett ta’ università ġdida li jirrikjedi investiment fit-tul.

“You cannot expect a university to make a profit in few years because at the beginning you have to make huge investments to the building, to the infrastructure, to the faculties.”

S’issa l-Università qed tuża l-hekk imsejjaħ British Building f’Bormla. Mistoqsi dwar oġġezzjonijiet għall-pjani għall-binja ta’ ħdejha, in-Knights Building, li se tiġi restawrata, is-Sur Alpay qal li dan hu parti minn masterplan maqbul mal-Gvern li hu meħtieġ biex l-università tikber.

“This building as it is can accommodate up to 1,000 students. It’s a goal that we hope to reach in two years maximum if the pandemic will let us. The renovation of the Knights building it will take maybe two years too. So when this building will be filled with students, we need to be sure that we have adequate space for the next intake. That’s why we want to start now”

Ziya Alpay skarta għal kollox argumenti li fi ftit taż-żmien din l-università tinbidel f’residenzi jew lukanda. Argumenta li kif ġie disinjat is-sit ta’ Bormla ma jagħmilx possibbli din il-bidla.

“This is a university, AUM it will always be there and in the Zonqor there will be a university campus. Nothing else.”

Saħaq li s-sit ta’ Wied il-Għajn huwa fil-pjani tal-Università Amerikana ta’ Malta la darba jintlaħqu l-miri kollha għas-siti f’Bormla.

“In Zonqor we submitted a beautiful campus plan, we have swimming pools, we have the library, everything that the university student needs this place, yes this is beautiful, but we need additional complexes.”

Iddefenda l-ħtieġa ta’ dawn il-faċilitajiet għax qal li l-ġejjieni tal-universita’ mhux se jkun ibbażat biss fuq it-tagħlim online. Il-Kap Eżekuttiv qal li l-viżjoni tagħhom hi l-preżenza fiżika ta’ ħafna studenti internazzjonali li qal ikun ta’ benefiċċju wkoll għall-ekonomija Maltija effett tal-konsum u l-kiri tal-proprjetà.