Sport
Bidu ta’ konsultazzjoni pubblika li se tara t-twaqqif tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport

Tnieda l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li se jwassal għat-twaqqif tal-Awtorita’ għall-Integrità fl-Isport Malti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima, qal li dan hu proċess li beda numru ta’ snin ilu bil-kontribut ta’ numru ta’ nies involuti fl-isport lokali u wkoll bil-kollaborazzjoni tal-Oppożizzjoni. Sostna li wara li l-Gvern analizza l-governanza tal-isport lokali u wkoll internazzjonali, tfassal dokument għall-konsultazzjoni pubblika li jistabbilixxi x’se jkun ir-rwol ta’ din l-awtorità.

Qal li din l-awtorità għandha l-għan li tibni fuq is-seba’ pilastri ewlenin tal-istarteġija nazzjonali għall-isport: edukazzjoni, parteċipazzjoni u kwalità tal-ħajja, faċilitajiet sportivi, industrija sportiva, Għawdex, integrità u prestazzjoni għolja.

“Awtorità li se jkollha numru ta’ funzjonijiet fosthom dik tal-intergrita, dik tar-reġistri tal-persuni sportivi ġewwa pajjiżna li llum huwa amministrat minn Sport Malta, kif ukoll il-kwistjonijiet tad-doping. L-għan ta’ din l-awtorità hi li tkun ta’ spalla għall-klabbs u l-assoċjazzjonijiet sabiex propju naraw illi l-isportivi kollha li qegħdin involuti fil-qasam sportiv iħallu l-legat tagħhom, legat li permezz tiegħu nkunu nistgħu nħallu futur aħjar l-isportivi li se jiġu għada pitgħada. Futur li permezz tiegħu nkunu nistgħu verament inqabblu l-istrutturi ta’ pajjiżna fuq livell nazzjonali ma’ dak li hemm anke fuq livell internazzjonali.”

Dr Grima qal li l-awtorità se jkollha wkoll servizz ta’ informatur (whistleblower) u li teduka lill-poplu f’dan il-qasam. Semma kif qed jiġi propost li din l-awtorità għandu jkollha fi ħdanha t-taqsima tal-integrità tal-isport u r-reġistru għall-persuni fl-isport.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football, MFA, Bjorn Vassallo, qal li r-rieda minn kulħadd waslet biex tibda t-triq biex titwaqqaf din l-awtorità.

Il-President tal-Aquatic Sports Association, Joe Caruana Curran qal li l-integrità f’kull ċirkostanza hi importanti u kruċjali.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball Paul Sultana qal li kulħadd għandu jistinka għall-integrità, u saħaq għal strutturi u l-proċessi għal iktar trasparenza u fair play fl-isport.