Agrikultura
‘Bidwi bħali jbati ħafna imma xogħli ma nbiddlu ma’ xejn’

Erba’ bdiewa u raħħala estendew l-operat tagħhom b’investiment ta’ madwar tlett mitt elf ewro f’fondi li kisbu mill-Unjoni Ewropea mmirati għall-proġetti fis-settur agrikolu u rurali. TVM tkellem ma’ wieħed minn dawn il-bdiewa, George Mifsud li bil-fondi li kiseb bena diversi serer u ġibjun biex itejjeb it-tkabbir tat-tadam fl-għelieqi li għandu fl-Imġarr.

George Mifsud għandu 39 sena, u sa minn ċkunitu jaf biss għelieqi, u prodotti agrikoli, għaliex missieru kien ukoll bidwi. Is-sur Mifsud qal li l-ħin li jqatta’ mal-ħxejjex u l-ħamrija ma jbiddilhom ma’ xejn tant li minnhom jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum.

“Kont niġi mill-iskola, naqbad ir-rota u mmur fejn missieri fir-raba'”

Is-Sur Mifsud flimkien ma’ tlett bdiewa u raħħala oħra applika għal fondi Ewropej biex itejjeb it-tkabbir tat-tadam. Huwa rnexxielu jikseb ‘il fuq minn tmenin elf ewro mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, biex ikabbar l-operat tiegħu. George Mifsud qal li għamel dan l-investiment minħabba l-kompetizzjoni qalila li għandu minn produtturi agrikoli barranin.

“Għenuni ħafna għax mingħajrhom ma tistax tarma, u minħabba importazzjoni minn barra, trid iżżid biex tikkompeti”.

Is-Sur Mifsud qal li llum bidwi jew raħħal jagħmel ix-xogħol għax ikollu passjoni kbira għalih. Spjega li x-xogħol huwa diffiċli ħafna u jeħtieġ sigħat twal.

“Tkun vera tħobb dan ix-xogħol għax kieku ma tagħmlux..sagrifiċċji kbar, tiċċaħħad minn mal-familja biex tlaħħaq max-xogħol”.

Tlett bdiewa u raħħala oħra bbenefikaw bejniethom mal-mitejn elf ewro mill-Fondi Agrikoli Ewropej għall-Iżvilupp Rurali. Wieħed mill-bdiewa utlizza l-fondi biex jibni ġibjun u tlett serer ġodda, filwaqt li bidwi ieħor kiseb ħamsa u erbgħin elf ewro biex jespandi s-serer tiegħu u jixtri makkinarju ġdid; u raħħal kiseb ‘il fuq minn mitt elf ewro biex jimmodernizza r-razzett li fih irabbi l-majjali.