Biegħ kulma kellu biex jiżviluppa terapija għall-pazjenti bl-awtiżmu

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-uffiċini l-ġodda tal-kumpanija AAT Research li hi l-ewwel kumpanija li qed topera mill-park tal-Life Sciences f’San Ġwann. Dan il-post se jservi bħala spazju għall-iżvilupp ta’ hub diġitali li jkun iddedikat għax-xjenzi dwar il-ħajja.

Aktar minn għaxar snin ilu, Adrian Attard Trevisan beda vjaġġ li wasslu biex jiżviluppa trattament li jgħin lill-pazjenti tal-awtiżmu biex itaffu mis-sintomi tagħhom, Huwa kien immotivat li jiżviluppa l-mediċina minħabba li t-tifel tal-ħabib tiegħu kien qed isofri minn kundizzjoni simili. Permezz ta’ żewġ dottorati li kiseb mill-Università ta’ Londra u l-Università ta’ Milan, Dr Attard Trevisan kompla bir-riċerka li wasslet għall-żvilupp ta’ terapija.  Il-pass li jmiss kien li jikkummerċjalizza din t-terapija u fl-2012 waqqaf il-kumpanija AAT, li llum timpjega 30 riċerkatur.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-uffiċċji u laboratorji ġodda tal-kumpanija fil-Life Science Park f’San Ġwann, Dr Attard Trevisan qal li l-kumpanija se tkompli tiffoka biex tiżviluppa kura u terapiji għall-kundizzjonijiet bħall-awtiżmu, epilessija, ansjetà, insomja u dipressjoni.

“Ma kienetx ħaġa faċli, dawn l-4 u 5 snin iġġielidna ħafna biex nagħmlu din il-ħaġa. Aħna nemmnu ħafna fir-riċerka applikata jiġifieri riċerka li nippartjenu ma’ numru ta’ universitajiet imma fl-aħħar mill-aħħar, inġibu prodotti u terapiji li huma vijabbli mhux fuq is-suq Malti iżda internazzjonali,” qal Dr Attard Trevisan.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern se jkompli joffri sostenn lil industrija tar-riċerka u l-żvilupp. Dr Muscat qal li l-Park tal-Life Sciences li jinkludi d-digital hub f’San Ġwann, se jkompli jimmassimizza l-potenzjal ta’ Malta f’industriji bijomediċi u tat-teknoloġija.

“Li qed taraw illum huwa proġett li beda kif il-Euro Scientists nafu tkellimna kemm-il darba matul dawn it-tliet snin. Hija sitwazzjoni ta’ persuna li biegħet kulma kellha biex tkun tista’ tirreġistra u tagħmel patents fuq ir-riċerka li tkun għamlet u llum qiegħda cutting edge…. u f’qasam fejn fl-awtiżmu u anki meta jidħlu f’oqsma oħra relatati bħad-dipressjoni u oqsma oħra li qed jgħaqqdu flimkien il-kura tradizzjonali u l-informatika li kienu magħqudin permezz tat-teknoloġija”.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet li huma bbażati fuq roadmap li għandhom l-għan li jattiraw aktar investiment f’niċeċ bħal dawn minn kumpaniji lokali u internazzjonali.