Lokali
Biex inkunu ċentru ta’ eċċellenza fis-servizzi finanzjarji u l-gaming jeħtieġ neċċellaw fir-regolamentazzjoni – il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jindirzza t-tliet oqsma li indikat l-FATF li fihom qal il-pajjiż mhux biss irid juri li implimenta l-bidliet imma juri li qed ikun effettiv.

F’laqgħa straordinarja mal-imsieħba fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-MCESD, il-Prim Ministru qal li fejn jidħol l-użu tal-intelliġenza f’każi penali marbuta mal-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, il-gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ l-Aġenzija Maltija Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU.

Dr Abela qal li fl-FIAU qed isir investiment 20 darba aktar minn kemm kien isir fl-2012 minbarra investiment u tisħiħ fir-riżorsi umani.

Qal li jekk il-pajjiż irid ikun ċentru ta’ eċċellenza fis-servizzi finanzjarji u fil-gaming, irid ikun ukoll regolatur ta’ eċċellenza għax dawn imorru id f’id.

Dar it-titjib f’sistemi dwar informazzjoni marbuta mas-sidien aħħarija tal-kumpaniji rreġistrati f’Malta u l-ħtieġa ta’ sanzjonijiet effettivi fuq min jonqos milli jonora l-obbligi relatati ma’ dawk magħrufa bħala ultimate beneficial ownership, (UBOs), il-Prim Ministru qal li l-pajjiż jeħtieġ li jkolli sistema ta’ rapportaġġ effettiva u jekk l-affarijiet ma jkunux kif suppost skont is-sewwa, jittieħdu l-passi.

Saħaq li huwa importanti li l-kumpaniji li jipprovdu servizz jagħmlu l-parti tagħhom.

Sostna li flimkien irridu niddefendu s-sistema tagħna milli tintuża għal skopijiet ħżiena. Saħaq dwar il-ħtieġa li jkollna awtoritajiet regolatorji effettivi u esprima t-tama li l-Oppożizzjoni tkun mal-Gvern biex jimplimenta l-bidliet meħtieġa.

Dwar każijiet serji ta’ evażjoni ta’ taxxa u ħasil ta’ flus, il-Prim Ministru qal li l-Gvern hu kommess li jibqa’ jieħu azzjoni. Qal li kien u jibqa’ pro market u ma jridx iżid il-piżijiet tat-taxxa.

Dr Abela qal li mhux ġust li jkun hemm min iħallas it-taxxa u min le u jrid joħloq level playing field għal kulħadd.

Temm jgħid li se jibqa’ jkun gvern li jappoġġja n-negozju filwaqt li se jkompli bir-riformi meħtieġa biex jindirizza kwistjonijiet mill-aktar fis.

Waqt il-laqgħa, il-Prim qed jisma’ x’għandhom xi jgħidu wkoll l-imsieħba tal-MCESD dwar l-FATF u dwar il-pjan ta’ rkupru.