Barranin
Biex tivvjaġġa lejn ir-Renju Unit trid tagħmel test għall-COVID-19 u kwarantina

Min-nhar it-Tnejn, kull persuna li tasal ir-Renju Unit minn barra se jkollha tagħmel kwarantina ta’ għaxart ijiem, sakemm ma jirriżultawx negattiv għall-Covid-19 wara ħamest ijiem. Il-Prim Ministru Boris Johnson qal ukoll li kull minn ikun se jaqbad titjira għar-Renju Unit għandu jipprovdi l-prova li huwa negattiv qabel jitlaq. Qal li r-regoli l-ġodda se jibqgħu fis-seħħ sa tal-inqas il-15 ta’ Frar.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Johnson qal li l-gvern se jżid l-infurzar fuq il-fruntiera.

Dan ifisser li r-Renju Unit se jagħlaq il-kurituri kollha ta’ vjaġġar li ġew introdotti fis-sajf għall-passiġieri minn pajjiżi bi ftit każi ta’ Covid li ma jkollhom għalfejn jagħmlu kwarantina mal-wasla tagħhom fir-Renju Unit.

Illum, ir-Renju Unit waqqaf il-vjaġġi mill-Amerika ta’ Isfel u l-Portugall minħabba tħassib dwar il-varjant il-ġdid identifikat fil-Brażil.