Politika
“Bil-baġit serraħna moħħ il-poplu” – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-baġit huwa ta’ serħan il-moħħ għall-familji, biż-żidiet se jibqgħu jingħataw sena wara l-oħra. Waqt li tkellem dwar id-diversi benefiċċji li tħabbru fil-budget, Dr Muscat qal li għadu ma fehemx il-kritika tal-Oppożizzjoni għall-baġit, meta għat-tielet sena wara l-oħra dan il-Gvern lanqas biss żied taxxa waħda.

Il-Prim Ministru qal li l-baġit kien mibni fuq tliet prinċipji ewlenin; li jippremja lill-familji bieżla, it-tieni prinċipju li jiġu mgħejjuna dawk l-iktar fil-bżonn, u t-tielet li l-ġid irid jitqassam bejn kulħadd. F’attività politika f’Marsaxlokk, il-Prim Ministru qal li l-baġit kien eżerċizzju soċjali li permezz tiegħu titwessa’ x-xibka li tagħti appoġġ lil min għandu bżonn.

Dr Muscat tkellem fuq is-sostenibbiltà biex dak li jingħata llum, jingħata wkoll għas-snin li ġejjin. Semma kif gvern Nazzjonalista ma kienx bilgħaqal għax nefaq minn dak li m’għandux, u mbagħad kien jiitfa’ l-piż fuq il-familji. Qal li dan il-Gvern jaħdem bil-maqlub, għax bilgħaqal qed jagħti lill-poplu dak li jaffordja l-pajjiż, u b’hekk il-familji jserrħu rashom li l-ġid jibqa’ hemm minn sena għal oħra.

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li l-gvern ma jridx jilgħab mal-mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja għax maqbul bejn kulħadd, ried jindirizza żidiet li ma ġewx riflessi, u għalhekk ser jingħata bonus ieħor lil kulħadd, inkluż il-ħaddiema tal-privat u l-pensjonanti. Qal li fost oħrajn, kull min jaħdem se jirċievi ċekk ieħor ta’ rifużjoni tat-taxxa, bin-nies iserrħu rashom li dan se jkompli jingħata f’kull baġit.

Semma’ wkoll kif li l-Gvern se jippremja lil min, għax bieżel, jaħdem is-sahra, għax din tiġi intaxxata bi 15 fil-mija sal-ewwel mitt siegħa. Dr Muscat qal li s-sena d-dieħla din il-miżura ser tkopri lill-ħaddiema li jaqilgħu sa €20,000 fis-sena, iżda fis-snin li ġejjin trid tkompli titwessa’ biex aktar ħaddiema jibbenefikaw minnha.

Il-Prim Ministru stqarr li ma jistax jifhem il-kritika tal-Oppożizzjoni għal dan il-baġit, li għal tliet snin konsekuttivi ma żied l-ebda taxxa. Qal li taħt dal-gvern, il-familji draw jistennew x’se jtihom il-Gvern fil-baġit. Semma li l-gvern qed jindirizza l-inġustizzji fil-qasam tax-xogħol, u kif b’mizura oħra se jara li bħal ma jiġri mal-gvern, anke mal-privat se jingħata l-istess ħlas lill-ħaddiema għall-istess xogħol, biex tispiċċa l-inugwaljanza fil-paga.

Permezz ta’ dan il-baġit, qal Dr Muscat, il-Gvern reġa’ tejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-familja, b’iktar vakanzi li ġew miċħuda lill-ħaddiema fil-passat, u żied il-kwalità tal-ħajja lill-anzjani, b’żieda ta’ €7  fil-ġimgħa fil-pensjoni. Qal li anke f’baġit ieħor, il-pensjonanti jerġgħu jiżdiedu, u fakkar li gvernijiet Nazzjonalisti ffriżaw il-pensjonijiet għal 25 sena. Qal ukoll li dan il-Gvern qed jimmira biex kulħadd irrispettivament l-età jkollu trasport pubbliku bla ħlas.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Coronavirus qed jolqot sew l-Amerka Ċentrali li saret l-epiċentru tal-pandemija. Fi Gwatemala, żewġ saċerdoti missjunarji Għawdxin qalu li fl-aħħar ġimgħat, il-faqar kompla jgħolli rasu b’saħanisitra familji qed itajru bandiera bajda…

COVID-19

Sidien ta’ ristoranti li fetħu fi tmiem il-ġimgħa wara aktar minn xahrejn magħluqa qalu lil TVM li minkejja li kien bidu kwiet, iħossuhom pożittivi għaliex il-klijenti qed juru sinjali ta’…

COVID-19

Għalkemm il-virus Covid 19 għadu mhux megħlub għalkollox u l-vaċċin kontrih jista’ jieħu bosta xhur oħra sakemm jiġi żviluppat u tibda l-produzzjoni tiegħu, bosta pajjiżi reġgħu bdew ibexxqu l-bieb tas-sistema…

COVID-19

Wara aktar minn xahrejn mċaħħda milli jaraw lill-qraba anzjani tagħhom, għadd kbir ta’ qraba bdew jingħataw l-opportunità li jaraw lil qrabathom minn wara l-perspex. Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de…

Aktar