Għawdex
BIL-FILMAT: Ara kif ġie jidher il-‘waterfront’ ta’ Marsalforn b’investiment ta’ €3 miljun

Ilbieraħ filgħaxija kien inawgurat il-proġett tal-waterfront ta’ Marsalforn b’investiment ta’ €3 miljun li jifforma parti mill-masterplan ta’ din il-bajja popolari mal-Għawdxin, Maltin, u t-turisti.

Fl-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett jaħseb biex partijiet sostanzjali minn din iż-żona jingħataw lin-nies bil-għan li jgawduha għal ħafna mill-ħinijiet tal-ġurnata.  Sostna li l-viżjoni għal Għawdex hi li jrid jibqa’ jsir investiment biex in-negozji jibqgħu jaqilgħu l-għajxien għall-familja tagħhom u l-familji tal-ħaddiema tagħhom.

Waħda mill-iktar bajjiet popolari f’Għawdex, dik ta’ Marsalforn, ingħatat dehra ġdida b’waterfront li nbidel mill-qiegħ u ssebbaħ b’mod estensiv. Il-maltemp kien iħalli ħsarat kbar iżda bix-xogħlijiet infrastrutturali tal-aħħar xhur saru storm water culverts ġodda biex isolvu din il-problema.

Saru wkoll bosta servizzi oħra u anke tisbieħ tul ix-xatt kollu u ż-żoni tal-madwar, kif ukoll pavimentar fit-toroq prinċipali kollha li hemm fl-inħawi tal-waterfront ta’ Marsalforn. Dan il-proġett ta’ €3 miljun fil-waterfront ta’ Marsalforn sar wara li f’Novembru kienet inawgurata ż-żona magħrufa bħala l-Menqa ta’ Marsalforn.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li wara l-ħidma li saret fix-xitwa biex jinbena mill-ġdid dan ix-xatt, ix-xogħlijiet tlestew biex kif kien imwiegħed fis-sajf il-pubbliku jkun jista’ jgawdi l-bajja ta’ Marsalforn.  Qal li dan il-proġett se jgħolli t-turiżmu f’Għawdex u jkompli jpoġġi lil din il-gżira fuq il-mappa bħala destinazzjoni turistika.

Fl-inawgurazzjoni tal-proġett il-Prim Ministru Robert Abela qal li f’Għawdex jeħtieġ jibqa’ jinħoloq ix-xogħol u tissaħaħ l-ekonomija. Dr Abela qal li jinsab sodisfatt li f’Għawdex fil-preżent hemm l-anqas numru ta’ nies jirreġistraw fl-istorja jiġifieri ħmistax fil-mija anqas minn qabel bdiet il-pandemija.  Dr Abela qal li l-viżjoni għal Għawdex hi li jrid jibqa’ jsir investiment fl-aċċessibbiltà u l-infrastruttura biex in-negozji jibqgħu jaqilgħu l-għajxien għall-familja tagħhom u l-familji tal-ħaddiema tagħhom.

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-futur ta’ Għawdex u dwar l-impenn tal-Gvern biex l-isfidi f’din il-gżira jinbidlu f’opportunitajiet biex Għawdex jibqa’ miexi ‘l quddiem.

“Inħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa fil-konsultazzjoni fuq l-istrateġija għal Għawdex. Dokument magħmul għal Għawdex f’Għawdex stess. Proċess fejn verament l-ideat jitwieldu mill-komunità. Mudell li nemmen li għandu jkun il-bażi ta’ kif jaħdem Gvern. L-Awtorità Reġjonali ppreżentat  dokument li fih tmien oqsma ta’ prijorità u 85 idea.  Irridu naraw kif anke hawn f’Għawdex il-bidliet diġitali u ambjentali jilħqu l-ħajja ta’ kuljum. ”

Wara l-Menqa u l-waterfront, il-Gvern jixtieq li jsiru xogħlijiet infrastrutturali oħra fl-inħawi. Dan hekk kif għall-ewwel darba l-Gvern applika mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinbena mill-gdid il-breakwater ta’ din il-bajja.

Il-proġett ta’ Marsalforn huwa parti mill-master plan ta’ din il-bajja li l-għan tagħha huwa li tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, u fl-istess waqt kull min iżurha japprezza iktar iż-żona pittoreska ta’ Marsalforn.